Awdjo: Alfred Sant se jara li l-UE ma tmissx l-interessi personali ta’ Malta

Il-Membru Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal li jrid joqgħod attent li ma jsir xejn li jmiss l-interessi personali ta’ Malta.
F'kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, Dr Sant qal li jemmen li fil-Parlament Ewropew “hemm bżonn jinbnew alleanzi bejn delegazzjonijiet differenti, sabiex titmexxa ċerta politika ta’ tip partikolari”, bħal dik tal-immigrazzjoni irregolari.
Min-naħa tagħha, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola sostniet li Malta għandha bżonn pajjiżi oħra li jistgħu jifhmu s-sitwazzjoni tagħha. Qalet li se tkun Viċi-President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, fejn dawk li jħossu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura, kunu jistgħu jressqu petizzjoni, bħalma għamlet hi fil-każ tat-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Metsola se żżomm ukoll l-istess kumitati li kienet fihom għax temmen li dawn jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet konkreti.
L-MEP Laburista Miriam Dalli qalet li l-immigrazzjoni hi waħda mill-prijoritajiet personali tagħha, flimkien mal-ġustizzja, l-ambjent, u oqsma bħall-industrija, ir-riċerka u l-enerġija. Żiedet tgħid li d-delegazzjoni tal-Partit Laburista qed tinsisti fuq politika ħolistika fejn tidħol l-immigrazzjoni. L-impjiegi u l-qagħad fost iż-żgħażagħ huma prijoritajiet oħra tad-delegazzjoni.
Newsbook.com.mt ħa l-kummenti wkoll tal-MEP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, li saħqet li l-immigrazzjoni hi waħda mill-prijoritajiet tagħha fil-Parlament Ewropew u qalet li dwar dan hemm pressjoni qawwija kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-Parlament Ewropew. Prijoritajiet oħra li għandha Dr Comodini Cachia huma l-ħolqien tax-xogħol u l-edukazzjoni u kif se jaċċertaw li l-edukazzjoni twassal għax-xogħol, kif ukoll kwistjonijiet soċjali bħall-faqar.