Awdjo: Aħjar tgħajjat ‘Ċempel 112’ milli “Ċempel Ambulanza”

Fid-dawl tal-inċident li wassal biex tarbija ta' sena waqgħet minn gallerija f'residenza f'Pembroke, Dr Matthew Montebello, lettur fl-Universita' ta' Malta u life-saver, saħaq dwar l-importanza li l-ġenituri jkabbru l-għarfien tagħhom dwar il-perikli fid-dar.

Meta kien intervistat fuq il-programm Kull Ħadd Frisk fuq Radju RTK, Dr Montebello sostna li bl-ebda mod mhu qed jikkundanna lill-ġenituri tat-tarbija dwar dak li ġara. Madanakollu stqarr li l-perikli jimmultiplikaw ruħhom fejn jidħlu t-tfal, minħabba n-nuqqas ta' għarfien li jkollhom.

Tkellem dwar l-importanza li l-ġenituri jneħħu siġġijiet u slielem li jistgħu jwasslu għal inċidenti, kif ukoll li l-ġenituri jagħmlu korsijiet tal-ewwel għajnuna u mbagħad jgħaddu t-tagħrif lil uliedhom.

Sors ieħor ta' informazzjoni jistgħu jkunu filmati li wieħed jista' jsib fuq l-internet. 

Spjega kif it-tkabbir fl-għarfien fuq dan is-suġġett jissarraf fi prevenzjoni u preparazzjoni f'każ ta' inċident.

Saħaq dwar il-ħtieġa li fid-dar ikun hemm pjan ta' emerġenza li għandu jinkludi ċilindri u gverti li jitfu n-nar, kaxxi tal-mediċina u tal-ewwel għajnuna, kif ukoll tagħmir li jinduna bid-duħħan.

Dwar il-każ tat-tarbija, Dr Montebello qal li meta l-omm bdiet tgħajjat għall-għajnuna u l-ġirien ma kinux jafu fejn riedu jċemplu, kien ifisser aktar dewmien u aktar ħsara għat-tarbija.

Huwa qal li ta' min f'każ ta' għajjut għall-għajnuna ngħajtu 'Ċempel 112' milli 'Ċempel ambulanza!'.

Sadanittant f'kummenti lil Newsbook.com.mt ilbieraħ omm it-tifla qalet li bintha bħalissa hi mimlija saħħa u li ħierġa mill-isptar illum.

Kull Ħadd Frisk jixxandar kull nhar ta’ Ħadd bejn l-10.05 am u nofsinhar.