Awdjo: Aħjar nibqa’ hawn milli nipprova noħroġ mil-Libja

George Darmanin, Malti li jaħdem ma' kumpanija tat-tiftix għaż-żejt fil-Libja, qal ma' Newsbook.com.mt li jħossu iktar sigur fejn jinsab, milli jekk jipprova joħroġ minn fejn qiegħed, biex jiġi Malta. 
Spjega li ħa xokk meta sema bil-ħtif ta' Martin Galea fil-Libja, u tħasseb l-aktar dwar kemm kienu se jinkwetaw tal-familja tiegħu.
George huwa responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà ta' 70 ruħ f'kamp taż-żejt, li jinsab madwar 1,300km bogħod minn Tripli u 500km minn Bengażi. 
Spjega li dak li qed jigri Tripli jaffetwahom indirettament għax meta jkun imisshom jidħlu jew joħorġu, iridu jgħaddu minn Tripli.
Huwa jmissu jitla' Malta wara n-nofs t'Awwissu. Jittama li min se jibdlu jkun jista' jidħol fil-Libja biex hu jkun jista' joħroġ. 
Qal li kuljum ikollu kuntatt ma' uffiċjali mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f'Malta li jinfurmawh bit-titjiriet li jkun mil-Libja.
Il-kumpanija li jaħdem magħha għandha sistema ta' evakwazzjoni f'każ ta' emerġenza, u din tgħinu ikollu ftit iktar serħan tal-moħħ.
Dwar il-kummenti ta' xi nies fuq il-ħaddiema Maltin fil-Libja, George qal li min imur jaħdem hemm, jagħmel hekk għax għandu l-bżonnijiet tiegħu.
Appella biex qabel jikkummentaw, in-nies ikunu ftit iktar sensittivi.

L-ewwel ritratt juri lil George qrib il-post tax-xogħol tiegħu. Fit-tieni ritratt, George jidher mal-kelba Lisa, li hija l-kelba ta' wieħed mill-kampijiet fejn jaħdem.