Awdjo: “Aħjar ikun hawn iżjed għarfien dwar opportunità ta’ fostering milli niffriżaw l-embrijuni”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care (NFCAM) laqgħet l-analiżi li ġiet ippubblikata mill-grupp ta' esperti dwar l-emendi fil-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Waqt li dalgħodu ġie ppubblikat id-dokument ta' pożizzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-IVF mill-Knisja f'Malta, numru ta' ġenituri li jiffosterjaw kienu qed jattendu għal nofs ta' nhar ta' taħriġ waqt konferenza annwali mtella' mill-NFCAM u l-Aġenzija Appoġġ.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, is-sur Paul Gatt, qal li l-fatt li l-esperti qed iħeġġu mezzi alternattivi għall-iffriżar tal-embrijuni, fosthom li jiġu mħeġġa l-addozzjoni u l-fostering jirrifletti l-istess viżjoni li għandha l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care.
Fi kliem Paul Gatt, mal-400 tifel u tifla jinsabu fl-istituti jistennew li jsibu ġenituri li lesti jieħdu ħsiebhom. Spjega li jkun aħjar jekk flok jinstabu soluzzjonijiet xjentifiċi li l-eżodu tagħhom għadu wieħed inċert, il-ħidma tkun iffukata fuq il-protezzjoni li jistgħu jingħataw dawn it-tfal.
B'hekk dawk il-ġenituri li jixtiequ jkollhom it-tfal, ikunu qed jingħataw l-opportunità li jieħdu ħsieb tfal li verament għandhom bżonn l-ambjent ta' familja b'saħħitha.
Paul Gatt temm jgħid li sa llum il-ġurnata ftit hawn għarfien dwar l-opportunitajiet ta' fostering.