Awdjo: Affresk ta’ 70 metru kwadru jerġa’ jagħti l-ħajja lill-arti minsija

It-teknika tal-affreski tmur lura għall-era tal-arti Taljana tas-seklu 13 u li damet tgawdi l-popolarità sa nofs is-seklu 16. L-affreski huma xorta ta’ pitturi li minflok fuq it-tila, jiġu mpittra direttament fuq ħitan jew soqfa u għalhekk normalment din l-arti hija meqjusa fost l-iktar diffiċli.
Illum il-ġurnata, din it-teknika rari għadek issib min jaħdimha anke minħabba l-ammont ta’ xogħol u ħin li wieħed irid jiddedika għaliha. Kif qal ma’ Newsbook.com.mt l-artist Malti Stephen Grima li ddeċieda li jerġa’ jagħti l-ħajja lil din l-arti permezz ta’ affresk ta’ iktar minn 70 metru kwadru li qed iħejji bħalissa ma’ wieħed mill-ħitan tal-iskola sekondarja tal-bniet ta’ Santa Tereża f’Birkirkara.
L-affresk li wasal fil-fażi finali tiegħu u li se jkun inawgurat mill-Ministru tal-Edukazzjoni fis-27 ta’ Ottubru li ġej jirrappreżenta l-25 Anniversarju tal-Fun Run għall-karità li l-istess Kulleġġ ilu jorganizza għal dawn l-aħħar 25 sena.
F’din l-aħħar sena, Grima ħadem mill-qrib ma’ studenti tal-MCAST u l-għalliema tagħhom bil-għan li jgħinhom jiffamiljarrizzaw ruħhom ma’ din it-teknika u l-metodu tradizzjonali, bit-tama li din l-arti terġa' tqum fuq saqajaha.