Awdjo: Abbatini Maltin jiltaqgħu mal-Papa

Abbatini Maltin li bħal kull sena fl-istaġun tas-Sajf jitilgħu l-Vatikan jagħmlu servizz iltaqgħu mal-Papa Franġisku.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Koadjatur tal-Kapitlu tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, Monsinjur Francis Bonnici spjega li għall-abbatini l-laqgħa mal-Papa Franġisku kienet sorpriża. Stqarr li lbieraħ huwa rċieva telefonata biex jgħidulu li l-Papa jrid jiltaqa’ mal-abbatini wara l-Anġelus.
Huwa qal li filgħodu ħa t-tfal quddiem San Pietru biex taparsi jeiħdu ritratt ta' grupp quddiemu. Spjega li għalih dak kien prova għal meta jieħdu ritratt mal-Papa. Żied jgħid li t-tfal kienu jafu li se jiltaqgħu mal-Papa 30 minuta qabel biss.
Mons. Bonnici qal li biex l-abbatini jitilgħu jagħmlu servizz ikunu ilhom jippreparaw. Dan hekk kif iridu jitgħallmu l-Quddiesea u l-Liturġija bl-Ingliż u bit-Taljan sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Quddiesa. L-abbatini jridu jistudjaw ukoll it-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Huma jitgħażlu permezz ta’ eżami.
L-abbatini Maltin ilhom 53 sena jitilgħu jagħmlu servizz. Dan wara li l-Kanonku Delia kien innota li ma kienx qed ikun hemm l-abbatini jagħtu servizz u beda din it-tradizzjoni li jitilgħu l-abbatini Maltin.
Fuq Twitter, l-Arċisoqf Charles Scicluna talab il-barka tal-Papa u wiegħdu t-talb tal-poplu Malti u Għawdxi. Flimkien mal-abbatini hemm Mons. Frans Bonnici, Dun Mark Ellul u s-seminarista Matthew Bajada.