Awdjo: “3 ġimgħat ilu sawtu lit-tifel fil-Gżira, urtati bit-trattament tal-Pulizija u l-isptar”

Koppja mit-Turkija li tgħix Malta ilha tliet ġimgħat tistenna li ssir ġustizzja magħhom mill-awtoritajiet Maltin wara li binhom ta’ 16-il sena allegatament ġie msawwat minn grupp ta’ żgħażagħ fil-Gżira.
Ma’ Newsbook.com.mt, omm iż-żagħżugħ qalet li kienu ferm iddiżappuntati għal mod kif ġew trattati mill-Pulizija, u mill-ħaddiema tal-ambulanza u tal-isptar Mater Dei.
Semmiet kif il-każ seħħ fis-17 ta’ Mejju għall-ħabta tal-10.30pm meta binha kien qed iwassal lit-tfajla tiegħu d-dar tagħha bil-mixi, u allegatament grupp ta’ żgħażagħ fuq bank quddiem l-għassa tal-Pulizija tal-Gżira bdew jinsulentawha u hu qalilhom biex juru rispett. X’ħin kien miexi lura lejn id-dar, ċorma ta’ 12-il żagħżugħ bdew isegwuh, tefgħuh mal-art u bdew isawtuh.
Omm iż-żagħżugħ qalet li l-każ seħħ quddiem l-għassa tal-Pulizija, imma l-pulizija li kien hemm fl-għassa qaltilhom li ma kinitx taf x’ġara u meta staqsewha tafx liż-żgħażagħ li jkunu fl-inħawi, “fil-bidu wieġbet iva, imbagħad qaltilna le.”
Spjegat kif minkejja li kellu d-demm ħiereġ minn imnieħru u daqqiet ma’ ġismu kollu, meta waslet l-ambulanza, binha ma ngħatax l-ewwel għajnuna. Qalet li wara li tellgħuh fuq l-istreċer ma rabtuhx u meta ġibditilhom l-attenzjoni u qaltilhom li perikoluż, ma tawha l-ebda tweġiba.
Żiedet tgħid li kellhom jgħaddu sagħtejn minn x’ħin waslu Mater Dei, biex lil binha rah tabib. Stqarret kif dak il-ħin kienu mwerwrin u beżgħu li seta’ ġralu xi ħaġa minħabba d-daqqiet f’rasu, imma meta talbu lill-infermiera biex tal-inqas inaddfuh mid-demm, weġbithom “tinkwetax, id-demm dalwaqt jinxef.”
L-omm Torka esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-mod kif ġew trattati minn uħud mill-pulizija, li fost l-oħrajn qalulhom, “insew kollox,” “oqgħod attent għax narrestak,” “intom il-barranin taħsbu li intom xi allat u li tistgħu ssolvu kollox, “dawk Maltin, kieku kienu barranin konna naqbduhom malajr” u “għandna ħafna x’nagħmlu u ma nistgħux nipproteġu lit-tfal.”
Qalet li meta staqsewhom jekk iċċekjawx il-kameras tas-sigurtà qrib l-għassa, qalulhom li dawk mhumiex tal-Pulizija u li m’għandhom l-ebda dritt jiċċekjawhom. Żiedet tgħid li meta ssuġġerew biex jitwaħħlu kameras tas-sigurtà qalulhom li mhux possibbli.
Mir-ritratti li urewhom il-Pulizija, irnexxilhom jidentifikaw erba’ miż-żgħażagħ li allegatament sawtu liż-żagħżugħ Tork.
Qalet ukoll li minkejja li taħdem u tħallas it-taxxi f’Malta, irċeviet kont ta’ €500 minn Mater Dei għat-trattament li ngħata binha.
L-omm esprimiet ukoll il-biża’ tagħha li Malta m’għadhiex sigura, mhux biss għat-tfal u għall-barranin, imma għal kulħadd. Tixtieq li s-sistema f’Malta tinbidel biex jiġu evitati każijiet li jistgħu jkunu fatali.
Temmet tgħid li lbieraħ filgħaxija kellmuhom il-Pulizija, li semgħuhom u offrewlhom l-appoġġ tagħhom.