Awdjo: 1,300 firma biex jitranġaw ir-rotot il-ġodda tal-linja

Wara t-tibdil fir-rotot tal-linja, il-Ħamis li għadda bdiet iddur petizzjoni fuq l-internet biex jitneħħew jew jitranġaw ir-rotot il-ġodda.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Johann Agius, il-persuna li bdiet din il-petizzjoni.
Johann, student Universitarju u li jirkeb tal-linja kuljum, stqarr li minn meta bdew ir-rotot il-ġodda beda jsib problemi biex jasal.
Iż-żagħżugħ qal li wara li lmenta fuq Facebook, kellu rispons qawwi minn għadd ta' nies oħra li għandhom l-istess problema, u li ħeġġewh biex tinbeda petizzjoni.
F’inqas minn ħamest ijiem il-petizzjoni tellgħet madwar 1,300 firma.
Agius qal li jispera li jiżdiedu l-firem biex “nuru li hawn iktar nies li għandhom din il-problema”.
Issokta jgħid li jispera “li b’xi mod Transport Malta u l-Ministeru tat-Transport jindunaw li hemm problema u mhux kif qalet dan l-aħħar Transport Malta li mhux vera hawn dawn il-problemi u li fil-verità n-nies qed igawdu minn servizz tajjeb tal-linja”.
Mistoqsi jekk kienx hemm xi żviluppi, Agius qal li ma kellimhom ħadd minn Trasport Malta jew mill-Ministeru tat-Transport.
Agius infurmat li lbieraħ l-Kunsill Studenti Universitarji ltaqa’ mal-Ministru tat-Trasport imma ma jafx x’ħareġ minn din il-laqgħa.
Temm jgħid li “jidher li qisu mhux ikun hemm rispons u li hemm problemi li ma nafux bihom u li qed jinħbew”.