Awditur jinvestiga l-proġett tal-wind farms u membru tal-Fuel Procurement Committee

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia stqarr li l-Awditur tal-Enemalta li qed imexxi investigazzjoni interna dwar il-proġett f’Mozura fil-Montenegro, hu parti mill-Fuel Procurement Committee tal-Enemed.

F’Ġunju li għadda, wara li investigazzjoni mit-Times of Malta u mir-Reuters sabet li f’Diċembru tal-2015, il-kumpanija 17 Black għamlet profitt mhux iddikjarat ta’ €4.6 miljun, meta l-Enemalta xtrat wind farm fil-Montenegro, l-Enemalta qalet li għamlet rapport mal-Pulizija dwar tranżazzjonijiet b’rabta mal-wind farm kif ukoll fetħet investigazzjoni interna dwar dan il-każ.

Il-Ministru qal li l-Awditur tal-Enemalta li qed imexxi l-investigazzjoni hu osservatur f’dan il-kumitat u jitħallas €3,000 fis-sena. Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat parlamentari Jason Azzopardi.