L-Awditur Ġenerali jintalab jinvestiga kif il-midja kellha informazzjoni fuq rapport

L-Ispeaker Anġlu Farrugia talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga kif rapport li għad irid jiġi mgħoddi lilu bħala President tal-Kamra tar-Rappreżentanti kien diġà f’idejn il-mezzi tax-xandir.
Huwa kien qiegħed jirreaġixxi għall-talba tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva.
F’ittra mgħoddija lill-Ispeaker ftit minuti qabel il-bidu tas-seduta, Michael Falzon talab investigazzjoni dwar kif dettalji mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni fuq l-hekk imsejjaħ skandlu ta’ Gafferena dwar l-esproprjazzjoni ta’ propjetà fi Triq iż-Żekka, il-Belt Valletta.
Nhar is-Sibt 16 ta’ Jannar, ġurnal lokali bl-Ingliż irrapporta li l-Awditur Ġenerali temm l-investigazzjoni tiegħu u sab nuqqasijiet fil-mod kif saret l-esproprjazzjoni, liema nuqqasijiet jippermettu lill-Gvern jiddikjara l-esproprjazzjoni bħala nulla.
Ir-rapport ġie mgħoddi lill-Ispeaker ilbieraħ.
Fl-ittra tiegħu, Falzon sostna li l-fatt li l-informazzjoni ngħatat lill-mezzi tax-xandir qabel ma ġie mgħoddi lill-Parlament, immina d-dinjità tal-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Talab ukoll lill-Ispeaker jinvestiga dan qabel ma jippubblika r-rapport. L-Ispeaker qal li kien għadu ma rax ir-rapport.