Awdjo: Malta se tkanta fit-tieni serata semi-finali tal-Eurovision 2015

Fi Vjenna għadhom kemm ittellgħu il-poloz li ħabbru l-ordni li fihom se jkantaw il-parteċipanti tas-sittin edizzjoni tal-Eurovision Song Contest ta' Mejju li ġej.
Il-kantanta Amber u l-kanzunetta Warrior se jkantaw fl-ewwel parti tat-tieni serata semifinali li se ssir il-Ħamis 21 ta' Mejju. Wara dan, it-tama hi li Malta tgħaddi għas-serata finali tas-Sibt 23 ta' Mejju.
Bil-poloz ta' llum, sar magħruf ukoll li fis-serata li fiha se tieħu sehem Malta, mhux se tieħu sehem il-kanzunetta tal-Ġorġja li jisimha eżatt bħall-kanzunetta Maltija.  Dan għaliex, il-Ġorġja se tieħu sehem fis-serata l-oħra tas-semifinali li fiha mhux se naraw lil Amber.
Waqt intervista li saret fil-programm Is-Sewwa Magħruf fuq RTK, il-kantanta Amber qalet li għaliha ma tagħmilx differenza li fil-finali jista' jkun hemm kanzunetta oħra bl-istess isem ta' Malta Warrior. Qalet li temmen li Malta se tkun qed tikkompeti mhux ma' Warrior waħda biss tal-Ġorġja imma ma' disgħa u tletin Warrior oħra għax kull pajjiż qiegħed hemm bit-tama li jirbaħ.
Meta tkellmet dwar liema serata semi-finali tippreferi, il-kantanta wieġbet li ma tagħmilx differenza u minflok qed taħseb aktar fix-xogħol li jrid isir sal-ġimgħa tal-festival.  Żvelat ukoll li fi tmiem il-ġimgħa li ġej se jibda x-xogħol fuq il-video tal-kanzunetta Warrior li se jinkludi elementi differenti ħafna minn dak li soltu naraw f'video mużikali tal-Eurovision.