​Avviż mill-Għaqda tal-Konsumaturi għal dawk li ngidmu mir-Ryan Air

L-Għaqda tal-Konsumaturi Maltin (CAM) qalet li numru ta’ Maltin ngidmu meta r-Ryanair riċentament ħassret ammont kbir ta’ titjiriet.
Fi stqarrija, il-CAM qalet li għamlet kuntatt mal-Federazzjoni Ewropea tal-assoċjazzjoni tal-konsumaturi, il-BLUEC, biex tiġbor aktar tagħrif.
L-Għaqda qalet li qed tħeġġeġ lil dawk il-konsumaturi li sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni biex jagħmlu ilment dwar Ryanair mal-Għaqda tal-Konsumaturi hawn. Spjegat li mhux f’kull każ ingħataw l-ispejjeż kollha kif kien suppost.
L-Għaqda qalet li jekk ir-Ryanair ma jagħtux risposta sodisfaċenti, hemm alternattivi oħra li l-konsumaturi jistgħu jieħdu, fosthom li jieħdu azzjoni legali. Intqal ukoll mill-CAM li dan jista’ jsir anki f’Malta minkejja li fis-sit tagħha, ir-Ryanair tgħid li kull tilwima trid tidher quddiem il-qrati Irlandiżi fejn ir-Ryanair hi reġistrata.
Ritratt: Arkivji