Avviż lis-sajjieda biex ma jużawx palm bil-Bumunqar l-Aħmar

Is-sajjieda qed jiġu avżati biex meta jagħżlu l-friegħi tal-palm biex jaqbdu l-lampuki, jassiguraw li dawn ma jkollomx sintomi tal-insett imsejjaħ il-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm.
Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jisħaq għall-attenzjoni mis-sajjieda biex tkompli titnaqqas il-firxa ta’ dan l-insett.
Il-Bumunqar itaqqab il-palma u kapaċi joqtolha fi ftit żmien, u kapaċi wkoll itir distanzi twal.
Ġie spjegat li l-friegħi għandhom jinqatgħu qosra kemm jista’ jkun biex jitnaqqas is-sors ta’ infestazzjoni li normalment ikun fil-parti t’isfel tal-fergħa.
Il-qtugħ ta’ friegħi għandu jkun segwit bi trattamenti preventivi kontra l-Bumunqar Aħmar tal-Palm billi jintużaw taħlita ta’ insettiċidi li jgħattu l-ferita fil-palma, minħabba li l-Bumunqar Aħmar tal-Palm iħobb ibid f’qatgħat friski fil-palma.
Min-naħa l-oħra, il-palma li minnha ttieħdu l-friegħi għandha tkun trattata b’insettiċida adattata. Dan it-trattament għandu jkun ripetut għal tliet darbiet konsekuttivi biex is-siġra tkun protetta bl-aħjar mod possibbli.
Għal aktar informazzjoni u gwida jista’ jsir kuntatt mad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fuq 2292 7142 jew fuq freephone 8007 2310, bl-imejl plantquarantine@gov.mt jew fuq is-sit www.planthealth.gov.mt.

Ritratti: Plant Health Department