Avviż għal min sejjer l-Afrika jew l-Amerka

L-Awtorità għas-Saħħa Pubblika qed tavża lil dawk il-persuni li se jsiefru lejn l-Afrika, l-Amerka Ċentrali, u l-Amerka t’Isfel biex jieħdu t-tilqima tal-yellow fever (deni isfar) qabel ma jivvjaġġaw.

Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li dawn in-nies li se jmorru lejn pajjiż fejn il-yellow fever huwa endemiku għandhom jieħdu t-tilqima mill-inqas għaxar jiem qabel ma jsiefru. Dan japplika l-aktar għal persuni li se jsiefru lejn il-Congo. Kull min għandu aktar minn 9 xhur fl-età jista’ jiġi mlaqqam għall-yellow fever.

Il-yellow fever hija endemika f’dawn il-pajjiżi:

Fl-Afrika:

Angola, Benin, Burkina Faso, Burundi, Kamerun, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, Chad, Kongo, il-Kosta tal-Avorju, il-Guinea Ekwatorjali, l-Etjopja, Gabon, Gambja, Ghana, Guinea, Guinea-Bissau, Kenja, Liberja, Mali, Mauritania, Niġer, Niġerja, Senegal, Sierra Leone, is-Sudan t’Isfel, is-Sudan, Togo, Uganda.

Fl-Amerka t’Isfel u l-Amerka Ċentrali

Arġentina – Misiones Province, Bolivja, Brażil, Kolombja, Ekwador (ħlief il-Galapagos Islands), il-Guyana Franċiża, il-Guyana, Panama, Paragwaj, Perù, Suriname, Trinidad, Venezwela.

Dawk li se jsiefru lejn dawn il-pajjiżi għandhom jieħdu prekawzjonijiet biex ma jingidmux min-nemus. Il-yellow fever tiġi trasmessa meta nemusa infettata tigdem lil persuna. Is-sintomi jinkludu d-deni, dardir, u l-irremettar. Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel liċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fuq 25680222-3/21243314.