Avviż dwar il-coronavirus: Tfal fl-ITU fir-Renju Unit

REUTERS/Ciro De Luca

Tobba fl-Ingilterra ġew avżati biex joqgħodu attenti għal reazzjoni rari imma perikoluża fit-tfal li tista’ tkun relatata mal-coronavirus.

Fl-Ingilterra ntbagħat avviż urġenti lit-tobba. L-avviż jgħid li dipartimenti tal-ITU madwar il-pajjiż kienu qed jittrattaw tfal morda b’mod serju b’sintomi mhux tas-soltu.

Il-BBC żvela l-aħbar fl-aħħar sigħat. Qal li t-tobba huma avżati jittrattaw dawn il-każijiet bħala “urġenti” u li għandu jingħata trattament minnufih.

Is-sintomi jinkludu “multi-system inflammation” b’sintomi li jixbħu lil dawk tal-influwenza.

Uħud mit-tfal, imma mhux kollha, ħarġu pożittivi għall-COVID-19.

Għadu mhux magħruf kemm hemm tfal li esperjenzaw din ir-reazzjoni, però skont il-BBC in-numri se jkunu baxxi.

Id-direttur mediku ma’ NHS England Stephen Powis qal li talbu lill-esperti tagħhom biex jibdew l-analiżi tagħhom dwar il-każ b’mod urġenti.

X’sintomi raw?

It-tfal żgħar ta’ etajiet varji mardu serjament. Kellhom sintomi simili għal dawk tat-toxic shock syndrome. Dawn jinkludu temperatura għolja, pressjoni baxxa, rash, u diffikultà biex jieħdu n-nifs.

Xi tfal kellhom sintomi gastrointestinali – bħal uġigħ fl-istonku, remettar, jew dijarea fost sintomi oħra.

Jekk il-ħajja tiegħek jew ta’ ħaddieħor hija f’periklu ċempel in-numru tal-emerġenza 112.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn