Avviż dwar fotografu li ma jagħtix lill-koppji r-ritratti mit-tieġ tagħhom

Read in English.

L-Aġent Direttur Ġenerali tal-Affarijiet tal-Konsumatur ħareġ avviż dwar Kevin Sciberras mill-kumpanija Digital Eye li ma pprovdiex lil koppji miżżewġin li ħadilhom ir-ritratti bil-materjal tat-tieġ tagħhom wara li kien tħallas. Inqabad jagħmel dan erba’ darbiet.

L-avviż ħareġ skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378) wara li Sciberras ma onorax diversi deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Fl-ewwel każ, it-Tribunal laqa’ t-talba tal-konsumatur u ordna lil Sciberras biex iħallas is-somma ta’ €1,200 wara li naqas milli jipprovdi lir-rikorrenti l-prodott finali u editjat ta’ filmati, ritratti u DVDs tat-tieġ.

Fit-tieni każ, huwa ġie ordnat irodd lura s-somma ta’ €600 lill-koppja li kienet ħallsitu depożitu għal servizzi fotografiċi tat-tieġ tagħhom.

Fit-tielet każ, it-Tribunal ordna lil Sciberras iħallas lill-koppja s-somma ta’ €1,300; b’€1,000 minnhom minħabba n-nuqqas tiegħu li jonora l-ftehim li kellu mal-koppja għal servizzi ta’ fotografija għat-tieġ tagħhom, u €300 oħra f’danni morali.

Fir-raba’ każ, imbagħad, Sciberras ġie ordnat jagħti lill-koppja l-pen-drive u l-filmat tat-tieġ tagħhom fi żmien ġimgħa mid-data tad-deċiżjoni, u jekk jonqos milli jagħmel dan, kellu jħallas €400 lill-koppja.

F’dawn l-erba’ deċiżjonijiet, it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi ddeċieda wkoll li l-ispejjeż għandhom jitħallsu minn Kevin Sciberras.