Avventura għat-tfal fix-xhur tas-sajf

Ritratt: Alenka Falzon

Bi tħejjija għat-tieni staġun tas-sensiela L-Għoġol tad-Deheb li se jixxandar fuq l-istazzjon ONE mill-iskeda tal-ħarifa, proprju minn għada t-Tnejn se jerġa’ jibda jixxandar l-ewwel staġun ta’ din id-drama mimlija misteru u avventura, u li hi mmirata għat-tfal u għall-familji.

L-istorja hija dwar żewġt itfal, Pia u Sandro,  fejn insegwu l-avventuri li jgħadd minnhom wara li sabu mappa tat-teżor u bdew ifittxu l-għoġol tad-deheb, teżor hu li msemmi fil-Bibbja. It-tfal jispiċċaw f’labirint perikoluż taħt l-art li fih grupp ta’ tfal Maltin ikun intilef fis-snin 40. Sadattant, il-kuġini jiskopru sigrieti kbar u antiki li l-familjari tagħhom ikunu ilhom is-snin jaħbulhom, sigrieti jli biddlu l-ħajja ta’ kulħadd. Minbarra hekk, it-tfal jitgħallmu dwar il-fatt li l-ikbar teżor hu l-familja.

Xi wħud mil-lokalitajiet użati huma tassew interessanti. Naraw postijiet mhux tas-soltu taħt l-art li jgħinu biex ix-xeni jkunu mimlija b’enerġija, misteru u tensjoni.

L-Għoġol tad-Deheb, li huwa wkoll maħruġ bħala ktieb, l-ewwel kien ħareġ bħala film fiċ-ċinema u dan l-istess film inqasam fl-ewwel puntati biex imbagħad segwew aktar avventuri ta’ Pia u Sandro.

Il-filming tat-tieni staġun se jibda fix-xahar ta’ Lulju.

L-atturi jinkludu lit-tfal Neve Mansueto, Gabriel Borg, Yanika Camilleri u Amber Mansueto. Imbagħad il-kast veteran jinkludi lil Tonio Vella, Henry Zammit Cordina, Christabelle Scerri u Deandra Agius, fost l-oħrajn. Il-kitba hi f’idejn Ruth Frendo waqt li l-produzzjoni hi tagħha u ta’ Charlo C Bonnici.