Avvenimenti li juru l-ifjen inbejjed ta’ Tasca d’Almerita

Farsons Beverage Imports Company (FBIC) Limited dan l-aħħar organizzat żewġ avvenimenti biex turi l-inbejjed tal-fabbrika Siċiljana storika tal-inbid, Tasca d’Almerita – familja ta’ intraprendituri li l-inbejjed tagħhom huma bbażati fuq erba’ kelmiet ewlenin: is-sostenibbiltà, il-kwalità, it-tradizzjoni u l-innovazzjoni. Sa mill-1830 iddedikaw ruħhom b’mod passjonali lil Sqallija, gżira rikka fil-ħamrija, fil-klima u fl-għoljiet.
Ir-rappreżentant ta’ Tasca, Antonio Virando, speċjalist Sqalli tal-inbid, matul iż-żewġ avvenimenti ħa lill-mistednin fuq vjaġġ fir-raba’ bid-dwieli ta’ Regaleali u Tascante.
Fl-ewwel avveniment li sar fil-ħanut tal-inbid Farsonsdirect, l-Imrieħel, dawk preżenti setgħu jduqu għażla ta’ nbejjed fini. Is-serata bdiet bl-inbid Almerita Brut wieħed mill-aqwa nbejjed sparkling ta’ Sqallija u warajh kien hemm l-inbejjed Grecanico u Perricone ta’ Regaleali. Imbagħad kien imiss l-inbid Ghiaia Nera mir-raba’ ta’ Tascante – interpretazzjoni ta’ Nerello Mascalese mill-għelieqi żgħar tad-dwieli b’element artab li joffru xarba tajba u friska. Is-sessjoni ntemmet bil-Capofaro’s Diamante, inbid ħelu mill-għeneb Muscat u Gewürztraminer li qiegħed fl-ogħla post tar-raba’ u li jkun tħalla jinxef fid-dell biex l-aċidità u l-karatteristiċi aromatiċi tiegħu jkunu preservati.
It-tieni avveniment ittella’ fir-ristorant Dolce Vita, San Ġiljan, li jħares fuq il-bajja pittoreska ta’ Spinola. Għal darb’oħra, Antonio Virando mexxa s-serata u ppreżenta l-inbejjed tad-dwieli tagħhom tal-għelieqi Regaleali u Capofaro. L-inbejjed tas-serata kienu jinkludu l-Leone d’Almerita, l-inbid stilla Nozze d’Oro, ir-Riserva del Conte, ir-Rosso del Conte 2007 u l-Malvasia.
L-inbejjed Tasca d’Almerita huma importati u mqassma minn FBIC, membru tal-Grupp Farsons.