Avultun Abjad jitlaq minn Malta b’wiċċ il-ġid

Ritratt: Aron Tanti

Il-lejl li għadda f’Malta niżel Avultun Abjad. L-għasfur rari u li hu fil-periklu li jiġi estint wasal Malta wara nofsinhar. Hu qatta’ l-lejl fil-periferija tar-Rabat u ħalla l-gżira Maltija kmieni dalgħodu biex ikompli l-vjaġġ. Xi voluntiera ta’ BirdLife Malta li qed jipparteċipaw fir-Raptor Camp issorveljaw l-għasfur sakemm ġie biex iħalli l-ġżira.

Għat-tieni darba dan ix-xahar ir-Raptor Camp kien kruċjali biex assigura s-sigurtà tal-għasfur. BirdLife Malta torganizza dan il-kamp biex tissorvelja l-kaċċa illegali tal-għasafar slavaġ tul il-perjodu meta jogħla l-livell ta’ migrazzjoni. Tul il-kamp ta’ din is-sena, timijiet ta’ voluntiera lokali u internazzjoniali żaru diversi postijiet madwar Malta u Għawdex li huma rinomati għall-kaċċa biex jipproteġu l-għasafar u jiżguraw li ma jispiċċawx maqtula.

BirdLife Malta qalet li ż-żjara tal-Avultun l-Abjad turi kemm hi importanti Malta biex jistrieħu dawn l-għasafar li huma vulnerabbli. Spjegat kif jista’ jkun li l-għasfur faqqas l-Italja sforz l-isforzi kbar ta’ konservazzjoni li saru hemm. Stqarret li l-protezzjoni ta’ dan l-għasfur tul l-ewwel migrazzjoni tiegħu lejn l-Afrika huma kruċjali biex din l-ispeċi tkompli tikber fl-Ewropa.