Avukati u Professuri tal-Università fost dawk li se janalizzaw it-telfa elettorali tal-PN

Wara li l-avukata Ann Fenech ħabbret li tixtieq tagħti sehem akbar lill-Partit Nazzjonalista iżda mhux fit-tmexxija, jidher li l-Partit laqa’ din it-talba.

Dan għaliex waqt il-laqgħa tal-eżekuttiv tal-PN li saret il-bierah filgħaxija, ġie deċiż li Dr Ann Fenech tinħatar chairperson tal-kumitat li se jevalwa ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali.

Uċuħ ġodda li ma jagħtux sehem dirett fil-politika intgħazlu biex ikunu f’dan il-kumitat.

Fost dawn hemm ukoll il-Professur Maryanne Lauri, li hija Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta.

Lauri m’hix l-unika lecturer tal-Università f’dan il-kumitat, hekk kif il-Partit Nazzjonalista ħatar ukoll lil istoriku Dr Simon Mercieca. Mercieca hu d-direttur tal-Istitut għall-istudji Mediterranji.

L-aħħar żewġ membri fuq dan il-kumitat huma Malcolm Custo’ u Rosette Thake.

Custo’ huwa involut fl-organizzazzjoni ‘Puttinu Cares’, li sservi ta’ għajnuna għal tfal morda b’kanċer. Hu jaħdem bħala Kontrollur finanzjarju tal-kumpanija marittima ‘Tug Malta’.

Rosette Thake taħdem fil-qasam tal-koperattivi, fejn mill-2008 sal-2011 kienet tħaddan il-kariga ta’ President tal-Koperattivi Malta.

Jidher li l-Partit Nazzjonalisti iddeċieda li jagħżel persuni li ġejjin minn kuntesti differenti, possibilment biex ikunu jistgħu jaraw l-aħħar żviluppi fil-politika u fil-Partit Nazzjonalista minn lenti differenti.