Avukat ta’ Yorgen jakkuża lil Omtzigt b’inkorrettezzi fir-rapport tiegħu fuq l-assassinju

Omtzigt Daphne Yorgen

Read in English.

L-avukat Ingliż ta’ Yorgen Fenech Wayne Jordash QC akkuża lir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa b’inkorrettezzi u nuqqasijiet fir-rapport li hu wettaq fuq l-investigazzjoni fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’ittra li kitiblu llum, Dr Jordash qal lil Omtzigt li hu ta interpretazzjoni oħra lill-funzjoni tiegħu bħala rapporteur, u libes il-mantell ta’ prosekutur jew imħallef. Huwa bagħatlu din l-ittra bi tweġiba għal dak li qallu Omtzigt tlett ijiem ilu, wara li Jordash appellalu biex jgħinu jindirizza “kampanja infjammatorja u ta ‘preġudizzju mill-midja” dwar il-klijent tiegħu, Yorgen Fenech.

Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Jordash ikkritika r-rapport li wettaq Omtzigt għall-Kunsill tal-Ewropa, u qal li dan ma jurix rispett lejn id-drittijiet fundamentali ta’ Fenech, drittijiet li huma fundamentali għal smigħ ġust u għas-saltna tad-dritt.

Huwa semmielu kif hu attakka l-integrità tal-Avukat Charles Mercieca, u fir-rapport naqas milli jsemmi li l-kondotta ta’ Mercieca ġiet investigata mill-Avukat Ġenerali, saret inkjesta u nstab li Mercieca ma għamel xejn ħażin. Dan b’referenza għall-fatt li Dr Mercieca kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u f’temp ta’ ftit żmien, irriżenja u ngħaqad mad-Difiża ta’ Yorgen Fenech. Skont l-avukat Ingliż, Omtzigt fir-rapport tiegħu qal li Mercieca beda jaħdem għal Fenech l-għada li rriżenja, mentri fil-verità ngħaqad mat-tim aktar minn xahar wara li rriżenja.

Apparti hekk, skont Jordash, Omtzigt naqas milli jsemmi l-verżjoni tal-Avukat Gianluca Caruana Curran ta’ kif seħħ l-episjodu mal-ġurnalist Ivan Martin. Il-ġurnalist qal li Caruana Curran offrielu l-flus biex Martin jgħinu billi ma jiktibx kontra Fenech. Min-naħa tiegħu, Caruana Curran iddefenda ruħu billi qal li ma jafx kif imorru l-affarijiet mal-ġurnalisti.

Fl-ittra tiegħu, Jordash qal lil Omtzigt li deherlu li minflok jiffoka fuqu, Omtzigt kien se jirrikonoxxi l-fatt li ma mexiex b’mod ġust ma’ Mercieca, u juri dispjaċir għal dawn in-nuqqasijiet fir-rapport tiegħu.

L-avukat semma nuqqas ieħor fir-rapport ta’ Omtzigt: li dan ma semmiex il-fatt li Yorgen Fenech wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fl-assassinju. Fir-rapport, Omtzigt qal li Fenech akkuża lil Keith Schembri b’involviment fil-qtil, iżda l-avukati ta’ Fenech oġġezzjonaw għall-fatt li mkien ma jissemma li Fenech qal li hu ma kienx involut.

Semma wkoll il-fatt li fir-rapport Omtzigt jgħid li Fenech kien qed jippjana ma’ Schembri biexi jaħrab minn Malta qabel jiġi arrestat, mentri, fi kliem Jordash, dan mhuwiex minnu għax Fenech dejjem ċaħad li beda jippjana li jaħrab minn Malta. “Is-Sur Fenech m’għandu l-ebda raġuni għax jinħeba,” sostna l-avukat.

Dr Jordash temm l-ittra tiegħu billi qal li kien jistenna li membru tal-Kunsill tal-Ewropa jaġixxi b’mod imparzjali fil-konfront tal-akkużat u t-tim tad-Difiża, li jistenna li jekk rapporteur jippubblika ineżattezzi bħal dawn, huwa jiskuża ruħu.