Autrostrade se terġa’ tibni l-pont ta’ Ġenova

REUTERS/Massimo Pinca

L-operatur ta’ toroq li jintużaw bi ħlas, Autostrade, nhar is-Sibt wegħdet li se terġa tibni l-pont li kkollassa f’Ġenova din il-ġimgħa. Il-waqgħa ta’ dan il-pont wasslet għall-mewt ta’ 40 persuna, madanakollu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Autostrade ma skużax ruħu.

Autostrade, immexxija mill-grupp Atlantia, tmexxi s-sessjoni ta’ A10 tal-awtostrada li tgħaqqad Ġenova mal-fruntieri Franċiżi, il-parti li ġġarrfet nhar it-Tlieta.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ġenova, sigħat biss wara l-funeral statali tal-vittmi, il-Kap Eżekuttiv Giovanni Castellucci ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi, madanakollu ma skużax ruħu. Huwa saħaq li jekk jagħti apoloġija, huwa jkun qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà tal-każ, u li hu se jistenna l-investigazzjonijiet uffiċjali sabiex joħroġ fiċ-ċar min hu responsabbli.

Castellucci kompla billi qal li l-kumpanija se tirriżerva 500 miljun ewro sabiex tgħin fir-rikperazzjoni mid-diżastru. Il-pont se jieħu tmien xhur biex jerġa’ jinbena.

Huwa saħaq li l-pont kien “f’saħħtu”.