Autocross u Motocross fl-aqwa tiegħu

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se tkompli bl-attivitajiet tal-istaġun bid-disa’ programm tal-karozzi autocross u r-raba’ tiġrija bil-muturi motocross.
Bħalissa fil-klassifika nazzjonali tal-autocross insibu taqtigħa interessanti bejn Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo li qed jokkupa l-ewwel post b’156 punt, segwit minn Philip Joe Vella fuq Opel Corsa b’145 punt, Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo b’137 punt u Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova b’109 punti. 
Fi Klassi B, insibu lill Godwin Martin fuq Opel Corsa li qiegħed l-ewwel b’37 punt segwit minn Jason Martin fuq Volkswagen Polo b’17 punt.
Fil-Klassi Standard, Deane Farrugia fuq Citroen AX jinsab fil-quċċata b’42 punt segwit minn Joseph Vella fuq Ford Fiesta b’13 il-punt. 
Fil-Klassi Gozo Autocross insibu lill Domenic Zammit fuq Alfa Sud fuq quddiem b’18 il-punt, segwit minn Joseph Agius fuq Ford Fiesta b’10 punti. 
Intant l-ASMK nhar il-Ħadd li għadda organizzat t-tielet attività bil-Muturi Motocross fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali oħra fil-Barriera Torri Falka fiż-Żebbiegħ tal-Imġarr.
Fl-Imġarr ħadu sehem 9 kompetituri maqsuma f’żewġ klassijiet, b’kompetizzjoni li saret fuq sitt sezzjonijiet, fejn it-teknika kienet waħda iktar diffiċli minħabba li ċertu postijiet kienu mxarbin u jiżolqu aktar minn normal.
Fi Klassi A rajna lill Damon Bonello fuq mutur Gas Gas li iddomina sa mill-ewwel sezzjoni.
Robert Caruana fuq mutur Gas Gas kompla jissielet ma’ Bonello sal-aħħar, iżda r-riżultat finali ta rebħa lil Bonello.
Fit-tielet u r-raba’ post rispettivament spiċċaw Nick Farrugia fuq Beta quddiem Gary Debono fuq Sherco. 
Fi Klassi B rajna lill Joseph Scicluna u Manuel Camilleri it-tnejn fuq muturi Gas Gas jagħmlu bidu tajjeb flimkien segwiti minn Bernard Sammut fuq mutur Beta.
Scicluna rreġistra d-debut tiegħu fil-ħames sezzjoni fejn irreġistra r-raba’ rebħa tiegħu f’dan l-istaġun segwit minn Camilleri, Sammut u Ian Scicluna fuq mutur Gas Gas. 
F’Ta’ Qali, fis-sezzjoni tal-muturi motocross ħadu sehem 13 il-kompetitur maqsuma fit-tliet klassijiet A u B, kif ukoll dik tal-muturi Vintage.
Fi Klassi A Clayton Camilleri fuq mutur KTM u Trevor Muscat iddominaw il-heats f’din il-klassi b’Muscat jispiċċa jirbaħ il-ġurnata segwit minn Camilleri, Edward Ciantar fuq mutur Kawasaki u Kyle Camilleri fuq mutur KTM. 
Fi Klassi B rajna lill Ludvick Muscat fuq mutur KTM jiddomina bir-rebħa tiegħu f’żewġ heats tal-ġurnata, segwit mill-Għawdxi Adam Sultana fuq mutur Kawasaki, Elvin Debono fuq mutur Kawasaki u fir-raba post spiċċa Mark Mamo fuq mutur Yamaha. 
Fl-aħħarnett, l-attivitajiet tat-Trials se jkomplu bil- ħames attività tal-istaġun, nhar id-19 ta’ April.