“Mhux veru bagħtu għalija l-Pulizija” – Mark Gasan

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Mark Gasan il-Kap Eżekuttiv ta’ Gasan Group qal li mhux veru li fl-aħħar jiem issejjaħ mill-Pulizija biex jiġi interrogat b’rabta mal-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar ħasil ta’ flus u l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lil Mark Gasan wara li rapporti fil-midja qalu li kien interrogat mill-Pulizija.

Gasan Group huwa parti minn GEM Holdings Ltd, li hija l-kumpanija b’shareholding Malti fil-konsorzju tal-enerġija Electrogas.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li isem Mark Gasan seta’ ħareġ waqt l-interrogazzjonijiet li l-Pulizija għamlet ma’ Yorgen Fenech, in-negozjant u s-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj. Is-Sibt filgħaxija, Fenech ingħata l-police bail għat-tieni darba din il-ġimgħa hekk kif fuq struzzjonijiet tal-isptar ma setax jerġa’ jiġi interrogat għal 24 siegħa.

Dan wara li s-Sibt waranofsinhar ħass uġigħ f’sidru u mid-Depot ittieħed l-isptar b’ambulanza.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li s-Sibt, Yorgen Fenech talab il-maħfra presidenzjali, u li l-Avukat Ġenerali kien qed jikkunsidraha.

Ilbieraħ il-Pulizija interrogaw ukoll lill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Dr Cardona kkonferma dan b’kumment fuq Facebook.

Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu mhux baħri tal-bnazzi u li se jibqa’ fit-tmun tal-pajjiż.

Aktar kmieni, il-Ministru Evarist Bartolo kien wieħed minn diversi membri tal-kabinett, li qed jinsistu li l-pajjiż ikun aħjar jekk issir ġustizzja ma’ kulħadd bla biża’ jew favuri.