Aussie Shield b’dawl fuq il-kontribut tal-Awstraljani f’Malta

Fil-bidu tas-snin ħamsin madwar mitejn membru tal-Qawwa tal-Ajru Awstraljana waslu Malta bil-ħsieb li jiddefendu l-gżira mill-ajru, b’ajruplani ‘Vampire’ u ‘Meteor’, wara talba tal-gvern Ingliż. 
Il-Forzi Ingliżi kienu mferrxa f’ħafna pajjiżi u għalhekk inħasset il-ħtieġa li l-Qawwiet Awstraljani kif ukoll dawk ta’ New Zealand kellhom jagħtu kontribut bħala forza unika tal-ANZAC fid-difiża tal-Mediterran.   Dan kien perjodu ta’ tensjoni kbira fl-Mediterran, tensjoni li finalment wasslet għall-Kriżi tas-Swejz f’Ottubru tas-sena 1956.  Aussie Shield jixħet dawl fuq il-kontribut tal-Awstraljani f’Malta, kif ukoll in-New Zealander’s f’Ċipru fi żmien meta s-Servizzi Ingliżi kienu fl-aqwa tagħhom. 
L-awtur tal-ktieb, il-Kurunell Mark Said, beda jirriċerka l-attivitajiet tal-kontinġent Awstraljan madwar ħmistax-il sena ilu, meta kien għadu jservi bħala bdot mal-Forzi Armati ta’ Malta.  Ma kellu l-ebda ħsieb li jippubblika r-riċerka tiegħu.  Meta rtira mill-Armata, wara tnejn u tletin sena Servizz, il-ġurnalista veteran Charles Mizzi ħeġġu biex jitbaħ ir-riċerka fi ktieb, għax ħass li kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett.  Il-ktieb ġie sponsorjat mill-Kordin Grain Terminal Co Ltd u ġie mitbugħ fl-Union Print.
Il-qliegħ minnu sejjer għad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, dar li toffri għajnuna lill-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom li iżda jkun diffiċli tagħmel dan mingħajr l-għajnuna tal-ħafna qlub ġenerużi.
Il-ktieb għandu jkun ta’ interess mhux biss għal dawk li għandhom passjoni għall-avjazzjoni u l-militar f’Malta iżda wkoll għal dawk li jgħożżu l-istorja ta’ pajjiżna.  Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba madwar Malta u Għawdex għall-prezz ta’ għoxrin ewro.