Audrey Friggieri se tkun il-Kummissarju l-ġdid dwar il-Vjolenza Domestika

Read in English.

Audrey Friggieri nħatret bħala l-Kummissarju l-ġdid fil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja qal li Friggieri hi għalliema, gradwata fil-psikoterapija tal-familja sistematika, u b’masters fl-edukazzjoni tal-adulti.

“Friggieri qed tagħmel dottorat, bir-riċerka tagħha hi dwar l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola u jispiċċaw mingħajr esperjenza, skola u xogħol. Taħdem ukoll bħala lecturer fil-Fakultà tal-Benesseri Soċjali u kitbet diversi kotba bil-Malti kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar, flimkien mal-Kummissarju l-ġdid għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri, tennew l-impenn tagħhom li jaħdmu aktar favur il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza.

Il-Ministeru qal li l-gvern, fis-sena 2020, żied l-allokazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika b’aktar minn 70%.

L-istqarrija tal-Gvern dwar il-ħatra ta’ Friggieri ntbgħatet wara li tħabbret mill-Mexxej Laburista Robert Abela fuq l-istazzjon One Radio.