Attriċi ta’ Desperate Housewives tispiċċa l-ħabs

Felicity Huffman, attriċi fis-sensiela popolari Desperate Housewives, intbagħtet 14-il ġurnata ħabs wara li nstabet ħatja li ħallset biex bintha tgħaddi minn eżamijiet wara li sar tbagħbis fir-riżultat tagħha. Barra minn hekk, l-attriċi ġiet immultata $30,000, 250 siegħa ta’ xogħol komunitarju u sena superviżjoni wara li toħroġ mill-ħabs.

Huffman hija l-ewwel ġenitur li ġiet kundannata minn fost 34 oħra li  ġew akkużati fi iskandlu biex uliedhom jidħlu f’universitajiet mill-aqwa wara li jinbidlu kemm ikunu ġabu fir-riżultat. Hu kkalkulat li b’kollox tħallsu madwar $25 miljun fi tbagħbis.

Il-mara ammettiet ħtijietha l-bieraħ il-Ġimgħa f’qorti f’Boston.  Hija ħallset $15,000 biex bintha Sofia setgħet tidħol fil-kulleġġ fl-2017.

L-attriċi Amerikana qabel ma ngħatat is-sentenza iddikjarat li tistħi ħafna għal dak li għamlet u li wasslet għal tant ħsara ferm aktar milli qatt setgħet timmaġina. Kompliet tgħid li bintha ma kinetx taf dwar dak li għamlet għaliha.

Il-mara daħlet fil-qorti flimkien ma’ żewġha William H Macy li ħadem fil-films Fargo u Boogie Nights. L-attur qatt ma kien implikat fl-iskandlu.

Attriċi oħra mdaħħla f’dan l-iskandlu hi Lori Loughlin li taħdem f’Full House. Il-każ tagħha għad irid jinstema’.