Attriċi ta’ Beautiful tara lil żewġha jmut; intlaqat minn żewġ karozzi

Orson Bean u Alley Mills

L-attur ta’ Desperate Housewives Orson Bean miet ilbieraħ filgħaxija wara li kien involut f’inċident fit-triq waqt li hu kien sejjer jara lil martu Alley Mills tirreċta fi produzzjoni teatrali. Mills hija wkoll waħda mill-protagonisti tas-soap opera The Bold & The Beautful li tixxandar kuljum fuq l-istazzjon Canale 5.

Mir-rapport li ħareġ Bean kien qed jaqsam it-triq traffikuża bejn Venice Boulevard u Shell Avenue li tagħti għal Residence Theatre fejn kien hemm martu tipprepara biex titla’ fuq il-palk meta ntlaqat minn karozza. Kien hawn li hu waqa’ għal fuq l-art iżda d-daqqa fatali ġiet mill-karozza oħra li kienet għaddejja hekk kif is-sewwieq tal-karozza l-oħra ma ndunax bih u għadda minn fuqu.

Bean ukoll huwa attur u apparti għas-sehem tiegħu f’Desperate Housewives bejn l-2009 u l-2012, huwa ħadem f’madwar 100 produzzjoni differenti mis-snin 50 ‘l hawn.

Fost il-films li huwa deher fihom niftakru Being John Malkovich u Miracle on 34th Street. Hu kien attiv ukoll fit-teatru u sal-ġimgħa l-oħra kien impenjat fuq produzzjoni teatrali li ttellgħet f’Los Angeles.

Bean u martu Alley Mills ilhom miżżewwġa għal dawn l-aħħar 27 sena.

Huwa kellu 91 sena.