Attivitajiet tal-massa: Min irid 300 u min irid 10

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Ekonomija u l-Iżvilupp Soċjali (MCESD) jidher li ma ntlaħaqx qbil bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-Gvern dwar x’għandu jkun il-limitu ta’ persuni li jattendu attivitajiet tal-massa.

Fi stqarrija maħruġa mill-MUMN dalgħodu, huma qalu li l-attivitajiet tal-massa ġew projbiti kompletament ħlief għal uħud bħal tiġijiet. Intant, il-MAM qalet li l-Gvern għandu jieqaf juża t-tiġijiet bħala skuża biex jibqgħu jsiru l-attivitajiet tal-massa.

Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li waqt il-laqgħa, il-Gvern beda jinsisti fuq limitu ta’ 300 persuna, iżda l-MAM qalet li aktar minn 10 mhux aċċettabbli. Min iħaddem kien kawt fi kliemu, iżda xorta waħda riedu 300 persuna, madankollu l-MAM baqgħet tinsisti li ma taqbilx ma’ dan, u l-UĦM – Voice of the Workers appoġġjatha.

Il-Prim Ministru Robert Abela qalilhom li għandhom jagħmlu differenza bejn ġewwa u barra. Bħala kompromess, il-Gvern ippropona li jitħallew 60 persuna fuq ġewwa u 100 fuq barra. Iżda l-MAM baqgħet tinsisti fuq 10 persuni biss.

L-istess sorsi indikawlna li dalgħodu l-Prim Ministru kien tal-fehma li la ma ntlaħaqx ftehim, imorru lura għat-300 persuna permessa.

Wara din il-laqgħa, l-MUMN kienet sodisfatta b’dak li ġie deċiż u mis-7am illum ġew sospiżi d-direttivi ta’ azzjoni industrijali. Minkejja dan, il-MAM għadha mhix sodisfatta u llum ordnat li d-direttivi jibqgħu fis-seħħ għat-tieni jum konsekuttiv.

Fl-istess laqgħa ġie deċiż li min ma jilbisx maskra f’postijiet fejn ikun hemm ħafna nies, bħall-karozzi tal-linja, il-ħwienet u fuq il-Gozo Channel, se jiġi mmultat €50. Issemma wkoll li l-ħinijiet tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei se jerġgħu jiġu ristretti, u għandhom jinfetħu żewġ ċentri ġodda fejn isiru t-testijiet tal-coronavirus billi d-domanda hija waħda għolja ħafna.