Attivitajiet għall-Jum Dinji tal-Ilma appoġġjati mill-HSBC

B’ħidma ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet oħra, l-HSBC Bank Malta p.l.c. organizza diversi attivitajiet bħala parti mill-Jum Dinji tal-Ilma. Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew fil-Palazz ta’ San Anton bil-ftuħ ta’ wirja tal-arti bl-isem ‘Ilma’, li issa saret waħda annwali, mill-President ta’ Malta. Il-ħames edizzjoni tinkludi 49 xogħol maħluqa minn studenti tal-Kulleġġ San Injazju.

F’attivita’ oħra, studenti minn 10 skejjel żaru l-Għajn Water Centre fir-Rabat u ppreżentaw ħarsa ġenerali ta’ proġetti li jiffrankaw l-ilma li huma se jkunu qed jagħmlu matul din is-sena skolastika. Dawn kollha rċevew fondi mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma. Il-Ministru għall-Ilma u l-Enerġija Joe Mizzi indirizza lill-istudenti filwaqt li l-HSBC se jappoġġja l-attivitajiet biex joħloq aktar għarfien fost il-komunità għal dawn il-proġetti tal-iskola.

“Il-Jum Dinji tal-Ilma jittratta dwar kif għandna napprezzaw l-ilma billi jindirizza r-raġunijiet għaliex fid-dinja tal-lum tant nies u komunitajiet f’pajjiżi differenti qed ikollhom problemi bl-ilma u minħabba f’hekk qed jaqgħu lura. Dan ifakkarna biex nitgħallmu, naqsmu u naġixxu għal dinja sostenibbli,” qal Manuel Sapiano, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.