Attivitajiet f’okkażjoni tal-50 sena tal-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt

Għall-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta se torganizza programm ta’ attivitajiet mifrux fuq is-sena l-ġdida bit-tema “Il-Pawlini għat-tisħiħ tal-Parroċċa”. Il-President tal-Għaqda Mario Cassar qal li din it-tema tirrifletti l-impenn fil-viżjoni tal-Għaqda għas-snin li ġejjin biex tkompli tagħti l-kontribut fil-ħajja tal-Parroċċa Pawlina li qed tiffaċċja sfidi differenti ħafna minn dawk li kien hemm ħamsin sena ilu. Is-Sur Cassar qal li l-popolazzjoni tal-Parroċċa qed tkompli tonqos u tixjiħ drastikament. Madankollu hu esprima l-fiduċja tiegħu li f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Parroċċa, dawn l-isfidi jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet għal ħidmiet ġodda skont iċ-ċirkostanzi.


L-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta din is-sena se tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha li seħħ fl-1970 b’inizjattiva ta’ Belti Pawlin kbir u tenur ta’ fama internazzjonali Pawlu Asciak, li fil-fatt baqa’ jkun imfakkar bħala l-fundatur tal-Għaqda. L-ewwel laqgħa preliminari tal-Kumitat tal-Għaqda kienet saret f’Novembru tal-1970 wara li fil-festa ta’ San Pawl ta’ dik is-sena, wara argumenti dwar jekk kellhiex issir il-purċissjoni minħabba l-maltemp, kien hemm ftehim li għandha titwaqqaf din l-Għaqda.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, sena wara sena, it-tifkira tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, baqgħet dejjem iżżid fil-prestiġju tagħha fost l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin u barranin li jżuruha u jieħdu sehem fiha, fil-jum tal-10 ta’ Frar, li tkun festa pubblika. Il-qofol tal-festa jkun kull sena l-Pontifikal Solenni fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu li jkun immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta u li għalih normalment tattendi kongregazzjoni kbira li tkun immexxija mill-President ta’ Malta.

Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata, li minn din is-sena huwa Kapeġġjat minn Arċipriet ġdid, il-WR Kanonku David John Cilia, jifforma parti sħiħa mill-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini permezz ta’ rappreżentanza fil-Kumitat Ċentrali. B’hekk, tul dawn il-ħamsin sena li għaddew, il-programm tal-festa fil-Knisja u barra dejjem kien jikkumplimenta liż-żewġ aspetti.

L-Għaqda tal-Pawlini tħaddan fiha madwar 400 membru u bħalissa hija mmexxija minn Mario Cassar bħala President. L-Għaqda tħaddan fiha wkoll il-Fergħat taż-Żgħażagħ u tan-Nisa, l-Akkademja Kulturali Pawlina u numru ta’ kummissjonijiet li jaħdmu fuq id-diversi aspetti tal-festi ta’ barra f’kollaborazzjoni sħiħa mas-Soċietà Filarmonika Nazzjonali ‘La Valette’ li din is-sena qed tfakkar il-145 anniversarju mit-twaqqif tagħħa.

Tista’ tniżżel il-programm ta’ attivitajiet hawn: Attivitajiet 50 sena Pawlini