Attività ta’ talb għall-paċi u għall-Insara ppersegwitati

L-Arċidjocesi ta’ Malta qed tistieden lill-Insara jattendu attività li ser tikkonsisti f’talb għall-paċi fid-dinja u għall-Insara li qed jiġu ppersegwitati f’diversi pajjiżi.
Wara l-appell għat-talb, l-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna jixtiequ li l-Insara jingħaqdu mal-Papa Franġisku li kontinwament qed jappella għall-paċi f’diversi pajjiżi fejn hemm il-ġlied u l-kunflitti, u għal dawk il-komunitajiet ta’ Insara li qed ibatu l-vjolenza minħabba l-fidi tagħhom.
L-attività Djoċesana ser issir nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu 2014, festa ta’ Marija Reġina, fis-7pm, fil-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa.
Matul il-laqgħa ser tingħad it-talba tar-Rużarju għal dawn il-ħames intenzjonijiet: L-Insara ppersegwitati fid-dinja, dawk li qed ibatu minħabba l-ġlied fil-Libja u fil-pajjiżi Afrikani, l-vittmi tal-kunflitt f’Iżrael u t-territorju Palestinjan, dawk li qed isofru l-vjolenza fl-Iraq u s-Sirja, u l-vittmi tal-kunflitt fl-Ukraina.
Fi tmiem l-attività, l-Arċisqof Pawlu Cremona jwassal messaġġ għal din l-okkażjoni u jagħti l-barka sagramentali.
L-Isqfijiet Maltin itennu l-kliem tal-Papa Franġisku, “li l-vjolenza ma tintrebaħx bil-vjolenza iżda bil-paċi”, u x-xewqa tal-Papa “li nitolbu fis-skiet ta’ qalbna lill-Madonna Sultana tal-paċi”.