Attività sportiva fil-Bajja tal-Mellieħa fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Nhar it-Tlieta li ġej mis-6.00 p.m. sal-11.00 p.m., il-Kumitat  Olimpiku Malti, flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ se jkunu qed jorganizzaw attività sportiva fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Bajja tal-Mellieħa.
L-għan tal-attività huwa li aktar żgħażagħ jersqu lejn l-isport, permezz tal-Beach SoccerBeach Volley u Beach Handball fost l-oħrajn.
Għall-Kumitat Olimpiku Malti din hija l-ewwel attività sportiva għal kulħadd li ser isir biex jintlaħaq l-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-isport.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello qal li l-beach sport ser ikun inkluż ukoll fil-Logħob tal-Mediterran li ser isir is-sena d-dieħla f’Pescara.
Għalhekk din l-attività ser tkun ukoll ta’ bażi qabel il-preparazzjoni ta’ dan il-logħob.
Miriam Theuma, CEO ta’ Aġenzija Żgħażagħ, saħqet li għalkemm in-Nazzjonijiet Magħquda għażlu t-tema tas-saħħa mentali biex tkun l-fulkru tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena, l-Aġenzija ħasbet li l-obeżità hija aktar ta’ prijorita’ fil-gżejjer tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius saħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni fl-isport.
Huwa tenna kemm il-popolarità tal-isport fuq il-bajjiet qed tiżdied u allura qed isir studju li jinsab fi stadju bikri, sabiex ikollna sit addattat għall-beach sports anke f’pajjiżna.
Il-kelliema kollha ħeġġew liż-żgħażagħ u gruppi ta’ żgħażagħ sabiex jattendu għal din l-attività li hija miftuħa għal kulħadd u bla ħlas.