Attività f’Pembroke għal aktar kuxjenza dwar l-ambjent

Il-Parroċċa ta’ Pembroke, Pembroke/St. Andrew’s Scout group, il-Girl Guides ta’ Pembroke u Nature Trust Malta ingħaqdu biex iqajmu aktar kuxjenza dwar l-importanza li wieħed ikun aktar sensittiv lejn l-ambjent. L-attività se tibda b’quddies fis-6:15pm. Dawk li jattendu qed ikunu mħeġġa jġibu magħhom l-annimali biex wara l-quddies jitbierku.

Min-naħa tagħhom, Nature Trust Malta se jkunu qed jagħtu żerriegħa ta’ siġra indiġeni lit-tfal kolla li se jkunu qed jattendu din l-attività. Huma se jkunu mħeġġa jħawluha f’qasrija u jieħdu ħsiebha għal sena biex imbagħad kif isir iż-żmien jerġgħu jinġabru minn Nature Trust u jitħawlu f’wieħed mill-postijiet li Nature Trust għandha taħt ir-responsabbiltà tagħha.

L-attività se ssir nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru. L-attività hija miftuħa għall-pubbliku u se ssir fi Triq Pietru Darmenia, viċin tal-grawnd tal-futbol ta’ Pembroke Athleta.