Attivisti Laburisti jfaħħru l-ġest tal-Arċisqof

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-ġest tal-Arċisqof Charles Scicluna li nhar is-Sibt talab maħfra li nbnew ħitan li jifirdu l-mejtin u qiegħed fjuri fuq il-qabar ta’ Ġużè Ellul Mercer kien imfaħħar kemm minn Desmond Zammit Marmarà kif ukoll mill-Avukat Joe Micallef Stafrace.

L-Arċisqof ħaqqu prosit kbir

Zammit Marmarà qal li l-Arċisqof ħaqqu prosit kbir waqt li Micallef Stafrace qal li din kienet l-aktar mossa kuraġġjuża li saret mill-Knisja. Mill-banda l-oħra l-Editur ta’ L-Orizzont qal li mhux impressjonat b’dak li għamel l-Arċisqof.

L-Arċisqof Scicluna bierek il-parti taċ-ċimiterju li oriġinarjament ma kinetx imbierka. F’din il-parti taċ-ċimiterju hemm l-oqbra ta’ dawk is-seba’ Laburisti li ndifnu hemm fi żmien il-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-Snin 60,

Filmat: L-Arċisqof Scicluna jitlob maħfra ‘għall-ħitan li nbnew’ mal-mejtin

“Ta’ min ifaħħru ħafna” – Zammit Marmarà

Desmond Zammit Marmarà li għal snin twal kien delegat tal-Partit Laburista u mexxej tal-kunsilliera Laburisti f’Ħal Balzan qal li l-ġest tal-Arċisqof nhar is-Sibt li għadda kien deskritt “ta’ min ifaħħru ħafna”. Fi blogg li kiteb fuq Newsbook.com.mt, Marmarà kiteb li jittama li “dan il-pass kuraġġuż min-naħa tal-kap tal-Knisja Kattolika f’Malta jiġi apprezzat mhux biss mil-Laburisti  imma mill-Maltin u Għawdxin kollha”. Huwa kompla jikteb li fil-Partit Laburista “hemm ħafna li huma Kattoliċi prattikanti u oħrajn li mhumiex imma xorta waħda għandhom rispett kbir lejn il-Knisja Kattolika. Ir-relazzjonijiet bejn il-Partit u l-Knisja Kattolika f’Malta huma tajbin ħafna u nawgura li dawn ikomplu jitjiebu”.

Huwa temm il-blogg tiegħu billi rringrazzja lill-Arċisqof.

L-Arċisqof ħaqqu prosit kbir

“L-aktar mossa kurraġġjuża” – Micallef Stafrace

L-Arċisqof Charles Scicluna llum ma’ Joe Micallef Stafrace

L-eks Ministru Laburista Joe Micallef Stafrace f’kumment lill-gazzetta Times of Malta faħħar lill-Arċisqof Scicluna u ddeskriva dak li għamel bħala “l-aktar mossa kuraġġjuża li saret mill-Knisja”.

Micallef Stafrace kien wieħed mill-persuni li kellhom jiżżewġu fis-sagristija minħabba l-kwsitjoni politiko-reliġjuża. Mistoqsi jekk dak li għamel l-Arċisqof kienx ftit u tard wisq, Micallef Stafrace qal li wieħed għandu jiffoka fuq dak l-iżvilupp pożittiv.

Ftit u tard – Editur Orizzont

Is-Sur Victor Vella, editur ta’ L-Orizzont ħa pożizzjoni bil-maqlub ta’ dik meħuda minn Zammit Marmarà, minn Micallef Stafrace, mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Waqt li dawn kollha kellhom kumment ta’ tifħir għall-Arċisqof, l-Editur ta’ L-Orizzont, minbarra li qal li dak li għamel l-Arċisqof kien “ftit u tard” żied jikteb li mhux impressjonat b’li sar.

Il-PM ifaħħar l-att simboliku tal-Arċisqof

“Mument storiku mill-Arċisqof; imiss pass ieħor”

Meta twaqqa’ l-ħajt

Fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata kien hemm ħajt li jifred il-parti konsagrata minn dik mhux ikkonsagrata. F’din il-parti, li popolarment kienet imsejħa ‘il-Miżbla’, kien hemm midfuna nies mhux Kattoliċi u saħansitra trabi li mietu qabel tgħammdu. Fi żmien il-kwistjoni politiko-reliġjuża indifnu seba’ Laburisti.

Meta fi żmien amministrazzjoni Laburista kien twaqqa’ dan il-ħajt, l-Isqof Awżiljarju Emmanuel Gerada kien mar jara l-ħajt jitwaqqa’ u kien talab fuq l-oqbra.

L-Arċisqof Mercieca f’Ittra Pastorali maħruġa fl-1988 kien għamel apoloġija għal dak li ġara waqt il-kwistjoni bejn il-Knisja u l-Partit Laburista.