Attivisti fl-Ecuador jingħaqdu fl-inizjattiva “Il-Ġimgħa għall-Futur”

Daniel Robles Romero riċerkatur u gwida tal-Amazon iħejji għas-Sinodu

Għat-tieni Ġimgħa konsekuttiva, studenti u żgħażagħ madwar id-dinja reġgħu niżlu fit-toroq jipprotestaw u jitolbu li jkun hemm azzjoni mmedjata dwar it-tibdil fil-klima.  Dan il-fenomenu wasal fl-Amazon fejn in-nies li jgħixu hemm qed jimpenjaw ruħhom huma wkoll biex jesponu l-fraġilità tal-ekosistema tal-Amazon.

“Il-Ġimgħa għall-Futur” sar moviment internazzjonali ta’ studenti li qed joħorġu mill-klassijiet tagħhom  biex jiddimostraw u jitolbu azzjoni li tnaqqas il-kriżi tat-tibdil fil-kliema u trażżan is-sħana globali li kulma jmur qed tiżdied.

Dan il-moviment beda f’Awwsiiu tas-sena li għaddiet minn Greta Thunber, tfajla Svediża ta’16-il sena li bdiet taħdem kontra t-tindil fil-klima u ggalvanizzat żgħażagħ oħra madwar id-dinja. Din it-tfajla ftit jiem ilu ndirizzat il-mexxejja politiċi  tad-dinja li attendew għas-Summit dwar il-Klima organizzat min-Nazzjonijiet Uniti.

Ġustizzja ambjentali

“Il-Ġimgħa għall-Futur” qed issejjaħ biex ikunu abbandunati sorsi ta’ enerġija li jiġu miż-żjut, li jonqsu l-emissjonijiet fl-arja u li ssir ġustizzja amjentali mal-popli tad-dinja.

Daniel Roberts, riċerkatur u gwida fl-Amazon qed iħejji biex jikkontribwixxi fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Amazonia li se jiftaħ f’Ruma l-ġimgħa d-dieħla.  Hu qal lill-aġenzija Vatican News li t-tim ta’ konservazzjonisti li hu jagħmel parti minnu, jħossu mqawwi minn dan il-moviment dinji “Il-Ġimgħa għall-Futur”.

Spjega li hu jifforma parti minn Fondazzjoni li taħdem biex tipproteġi l-foresti tal-Amazon u l-membri tal-grupp semgħu dwar il-moviment “Il-Ġimgħa għall-Futur” u jridu jingħaqdu fih.

Il-fatt li popli bogħod mill-Amazon, saħansitra mill-Ewropa, qed iqumu u jitolbu azzjoni kontra ttidil fil-klima, jagħti saħħa inkredibbli. Qal li numru ta’ problemi kellhom impatt fuq il-ħidma tal-grupp tiegħu u ma baqgħux jagħmlu l-kampanji tagħhom, imma issa li qed jaraw nies mid-dinja kollha jieħdu azzjoni “qed nerġgħu norganizzaw ruħna u ma’ gruppi oħra ngħaqadna ta’ “Il-Ġimgħa għall-Futur” li hi idea tajba ħafna.

Interess min-nies

Daniel Roberts qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan li fil-komunità fejn jgħix hu, il-Knisja tgħin ħafna u filwaqt li għall-bidu n-nies ftit kienu jagħtu attenzjoni għall-problemi tal-Amazon, f’dawn l-aħħar xahrejn, aktar u aktar nies qed juru nteress, inkluż xi NGOs u rappreżentanti tal-Gvern, fil-possibbiltà li jistgħu jħibu l-bidla. “Naħseb li n-nies qed jibdew jaħsbu kif jistgħu jgħinu biex ikun imħares u preservat l-ambjent”, qal dan ir-riċerkatur.

Grazzi għaż-żjieda fl-attivitajiet u l-bini ta’ kuxjenza, il-grupp tiegħu qed jirċievi kummenti fuq il-media soċjali u dan wassalhom biex jipproduċu videos li qed ipoġġu fuq Facebook biex iqajjmu kuxjenza dwar il-bżonn li l-foresti tal-Amazon ikunu protetti ‘għax dan hu mportanti għad-dinja kollha”.

Il-Moviment Kattoliku Globali favur il-Klima

Roberts qal li organiżazzjonijiet reliġjużi huma fuq quddiem fejn jidħol l-impenn favur il-klima. Dawn jinkludu lil Caritas, fost l-oħrajn u l-Moviment Kattoliku Globali favur il-Klima li flimkien qed jorganizzaw diversi attivitajiet għall-futur.

Hu stqarr li ma kien jaf xejn dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir dan ix-xahar imma issa qed juri interess u entusjażmu għal din l-inizjattiva tal-Papa Franħisku li turi li hemm tħassib u qed tingħata attenzjoni għall-Amazon.

“Aħna jidhrilna li hi ħaġa tajba li se jsir dan is-Sinodu għax jgħin biex jagħti messaġġ li hu mportanti li jkun protett l-Amazon.  Għal ħafna snin kien hawn ħafna prattiċi ħżiena li għamlu ħsara l-foresti u n-nies li jgħixu fihom, imma issa aħna l-ġenerazzjonijiet li rridu nagħmlu tibdiliet importanti”, temm jgħid dan iż-żagħżugħ.