Attivisti favur u kontra l-għażla tal-abort jiltaqgħu l-Belt

Facebook - Ivan Grech Mintoff u Voice for Choice

Attivisti favur u kontra l-għażla tal-abort organizzaw żewġ attivitajiet separati fil-Belt Valletta. Illum huwa l-Jum Internazzjonali għall-Abort Sigur.

Skont is-sit MaltaToday, madwar 200 persuna attendew iż-żewġ attivitajiet. Qal li ma kienx hemm ġlied.

Il-kamp ta’ kontra l-abort tella’ l-attività quddiem il-bini tal-qorti filwaqt li l-kamp ta’ favur l-għażla ltaqa’ fil-ġnien Hastings.

Ivan Grech Mintoff mill-Alleanza Bidla qal li l-ebda abort mhu sigur għax dejjem tispiċċa tinqatel tarbija.

Dr Andrea Dibben mill-Voice for Choice ġiet ikkowtata li qalet li nġabru biex iqajmu kuxjenza dwar l-isfidi u l-istigma li jaffaċċjaw in-nisa Maltin.

Fi stqarrija separata l-għaqda Doctors for Life qalet li fl-aħħar disa’ snin twieldu aktar minn 35,000 tarbija u li ma mietet l-ebda omm fit-tqala jew fil-ħlas. It-tobba qalu li jeżistu sitwazzjonijiet fejn ikun hemm problemi mediċi u etiċi li jridu jiġu ċċarati b’mod sensettiv.

Fl-2015, id-Dipartiment tas-Saħħa qal li kien hemm 61,366 twelid bejn l-2000 u l-2014. B’kollox kien hemm 292 stillbirth. Fl-istess perjodu kien hemm 4 imwiet materni.

Fl-istqarrija tagħhom, id-Doctors for Life tkellmu wkoll dwar każ ta’ mara tqila ta’ 31 sena li mietet fl-Irlanda fl-2012. Daħlet l-isptar bl-uġigħ u ngħatat dijanjosi ta’ miscarriage. Kellha infezzjoni li baqgħet tiggrava u mietet ftit jiem wara. It-tobba Maltin qalu li f’dan il-każ, is-sinjali bikrin ta’ infezzjoni ma ġewx innutati mit-tobba.

It-tobba qalu li kieku ngħatat trattament aħjar għall-infezzjoni, il-mara forsi setgħet issalva. Qalu li jekk kien hemm infezzjoni, dan kien jiġġustifika t-twelid mediku tat-tarbija minkejja li aktarx ma kinetx issalva. Insistew li nisa tqal f’Malta mhux se jiġu mċaħħda minn trattament mediku alavolja l-abort huwa llegali.

L-għaqda Doctors for Life ma ħaditx sehem fl-attivitajiet fil-Belt.