Attivisti b’billboards għall-PM: “Ma tistax tinħeba wara pandemija”

L-attivisti minn Occupy Justice reġgħu tellgħu tliet billboards kif kienu għamlu fl-2018, din id-darba għall-Prim Ministru Robert Abela. Dan peress li llum jimmarka tliet snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Occupy Justice qalet li għadha ma saritx ġustizzja ma’ Daphne, u li l-Prim Ministru ma jistax jinħeba wara pandemija, għaliex il-Gvern tiegħu huwa kompliċi mal-Gvern ta’ qablu, li kien kompliċi fil-qtil.

Fis-16 ta’ Frar tal-2018, Occupy Justice kienet ħadet ħsieb ittella’ tliet billboards ispirati mill-film Three Billboards Outside Ebbing, Missouri, li fih, omm tipprova tikseb ġustizzja għall-qtil ta’ bintha. Ftit sigħat wara li ttellgħu dawn il-billboards, il-Gvern kien ħareġ ordni lill-MEPA biex tneħħihom.

Għalhekk, illum, il-grupp qed jieħu azzjoni li qed isejħilha Three Billboards for the Prime Minister – The Return, bħala tfakkira lill-PM kurrenti u lill-Gvern tiegħu li għadha ma saritx ġustizzja għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dokumentarju fuq il-qtil ta’ Daphne
‘When They Come Undone’

Fi stqarrija, Occupy Justice spjegat li għalkemm għaddew tliet snin, qajla nbidlu l-affarijiet. “Il-Gvern m’għamel xejn dak iż-żmien u mhu jagħmel xejn issa. Għadu qed jipprova jindaħal billi jqassar l-inkjesta pubblika.”

Fakkret lil Abela wkoll li l-Gvern għadu ma bediex jirrevedi l-kuntratti korrotti tal-Gvern preċedenti, bħall-ftehim tat-tliet sptarijiet u tal-powerstation tal-Electrogas, għadu ma talabx li jiġu ppubblikati b’mod sħiħ u għadu ma waqqafhomx. B’riżultat ta’ dan Malta għadha fil-limbu, skont l-attivisti.

Apparti dan, l-attivisti saħqu illi huwa ċar għal kull min isegwi l-midja li hemm nies involuti fil-qtil, direttament jew indirettament, li għandhom jitressqu quddiem il-Qorti. Huma sejħu għall-ġustizzja għax-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia wkoll, u dan ifisser li jitressqu n-nies fuq kull reat li rrappurtat dwaru u li nqatlet minħabba fih.

“Kien hemm tliet snin ta’ investigazzjonijiet imma għadu ma ġara xejn. Il-ġustizzja mhix issir. Mhumiex jaraw li l-ġustizzja ssir.”

Occupy Justice sejħet dan il-Gvern kompliċi għal dak ta’ qablu, li hu kompliċi, direttament jew indirettament, ma’ dawk wara l-assassinju. Akkużat lill-PM li qed jipprova jinħeba wara l-pandemija biex jevitaw li jaffaċċja r-rabja tan-nies li qegħdin jiġġieldu għall-ġustizzja. “Aħna rrabjati aktar minn qatt qabel u mhux se nieqfu niġġieldu għall-ġustizzja,” temmet tgħid Occupy Justice.