Attivisti arrestati fuq suspetti li se jwettqu attakk waqt il-G7 summit

The logo of the upcoming August 2019 G7 Summit in Biarritz is seen during the Interior ministers of G7 nations meeting in Paris, France, April 5, 2019. REUTERS/Charles Platiau

Read in English.

L-awtoritajiet Franċiżi arrestaw ħames persuni akkużati li nkoraġġew attakki fuq lukanda li se tkun qed takkomoda l-pulizija waqt il-G7 summit f’għeluq din il-ġimgħa. Dan skont bosta aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali.

L-arresti saru t-Tnejn, ftit tal-jiem qabel il-bidu tas-summit li se jkun immexxi mill-President Franċiż Emmanuel Macron li se jkun qed jilqa’ fil-pajjiż lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump, il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel u l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson.

Il-Ministru għall-Intern Christophe Castaner qal li l-attivisti mhux se jkunu jistgħu javviċinaw lis-seba’ mexxejja, hekk kif Franza kienet mistennija tħaddem 13,200 pulizija flimkien mas-suldati u drones sabiex jassiguraw li dawn ma jersqux lejn is-summit.

CNA news irrapporta li għadd ta’ persuni suspettati bl-attakk huma membri żgħażagħ ta’ gruppi radikali anti-kapitalisti magħrufin bħala “black blocs”, li kellhom irwol prinċipali fi protesti vjolenti li saru fit-toroq f’Pariġi u bliet oħrajn Franċiżi fl-aħħar xhur.

L-investigazzjoni jidher li bdiet wara li mara li tgħix fiż-żona tellgħet messaġġ online fejn semmiet il-lukanda fejn kienu mistennija joqgħodu l-pulizija. Erba’ persuni ġew suspettati li ħarġu talbiet sabiex il-lukanda tinqered. Wieħed mill-persuni arrestati huwa mifhum li għandu rekord kriminali li kien vjolenti waqt demostrazzjoni.