Attivista Kattolika onorata għall-ħidma tagħha dwar il-bdil fil-klima

Molly Burhans, Fundatriċi u Direttur Eżekuttiv ta’ Goodlands tirċievi l-Premju tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-Żgħażagħ li jaħdmu favur l-Ambjent (Credit: photo courtesy of Jeffrey Bruno.)

Għalkemm hi anqas magħruf minn Greta Thunberg, tfajla Amerikana ta’ 29 sena, Molly Burhans għandha wkoll l-appoġġ tal-Vatikan u tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħidma tagħha dwar il-klima.

Aktar kmieni f’ħajjitha Burhans kienet qed tikkunsidra li tidħol soru iżda sadattant skopriet li l-Knisja Kattolika hi waħda mill-akbar sidien ta’ art fid-dinja u issa qed taħdem biex tara li din il-proprjetà u dak kollu li hemm magħha jintuża għall-ġid komuni.

Ix-xahar li għadda Burhans rebħet il-Premju tan-Nazzjonijiet Uniti “Young Champions of the Earth” għar-reġjun tal-Istati Uniti u saret l-ewwel organiżazzjoni reliġjuża li rċiviet dan il-Premju.  Hi kienet premjata għat-twaqqif tal-organiżazzjoi “Goodlands” li Bħalissa qed taħdem biex toħloq mappa tal-artijiet li għandha l-Knisja Kattolika madwar id-dinja biex tifhem aħjar kif qed tinbidel il-klima, l-emigrazzjoni u tħassib ekoloġiku ieħor marbut ma’ dan.

Mappa tal-proprjetà tal-Knisja

Mal-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX, Molly stqarret li ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet ambjentali tajbin mingħajr il-mapep u għalhekk qed tipprova toħloq mappa tal-proprjetà kollha li għandha l-Knisja madwar id-dinja.

F’dawn l-aħħar ġimgħat din it-tfajla kienet imħabbta ħafna. Flimkien ma’ Greta Thunberg ħadet sehem fil-Mixja ta’ New York dwar il-bdil fil-klima u kienet waħda mill-preżentaturi f’Summit ta’ livell għoli li jsir kull sena dwar il-Ġid Soċjali.

Meta kienet qed tagħmel xogħol ta’ volontarjat f’kunvent, fis-snin li kienet tistudja, osservat li l-ordni reliġjuża kienet wirtet biċtejn art kbar u rrealizzat li l-istess kunvent, bħal ħafna istituzzjonijiet Kattoliċi oħra ma kienx jaf fejn kienet u kemm kellu proprjetà.

Ħafna djoċesijiet fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra, inkluż il-Vatikan innfisu, lkoll jinsabu f’sitwazzjoni li ma jafux eżatt xi proprjetà għandhom.

Waqt li kienet għal żjara f’Ruma, Burhans avviċinat lis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u staqsiet jekk setgħetx tissieħeb magħhom fi sforz biex jagħmlu mappa diġitali tal-proprjeta tal-Knisja. Ir-risposta kienet pożittiva u fl-2015 Molly nidie t il-“Goodlands” u sena wara xandret l-ewwel database b’mappep tal-Knisja Kattolika.

“Meta bdejt dan ix-xogħol donnu li ħadd ma fehem li mappa m’hix sempliċement kwadru” qalet Molly dwar l-ewwel jiem li bdiet taħdem ma’ uffiċjali tal-Knisja.

 Temmen li dawn il-mapep jistgħu jgħinu lill-istituzzjonijiet Kattoliċi, fosthom NGOs, skejjel, u djoċesijiet, jifhmu aħjar l-infrastruttura u d-demografija Kattolika.

177 miljun ejker ta’ art

Hi sabet li b’kollox, il-Knisja hu stmat li għandha 177 miljun ejker ta’ art.  Għalkemm din l-art kollha toffri ħafna sfidi ta’ manutenzjoni, Burhans tara fiha opportunità inkredibbli. Din toffri l-possibbiltà li jsir ippjanar holistiku mill-Knisja.  Daqshekk huma mportanti l-mappep.

Burhans tiddeskrivi lill-Knijsa bħala “attur żgħir” iżda qed tittama li dan jirnexxilha tibdlu. Qalet li l-Enċiklika tal-Papa Franġisku “Laudato si” għandha tgħin biex wieħed jifhem aħjar tat-teknoloġija bħala xi ħaġa li tista’ tinuża għas-servizz tal-popli u tal-pjaneta.

Filwaqt li Mollu Burhans ma trabbietx f’xi ambjent reliġjuż għax il-ġenituri tagħha ħarġu mill-Knisja meta hi kienet għadha żgħira – l-istudju tal-filosofija fil-Kulleġġ Canisius, reġa’ ressaqha lejn il-Knisja Kattolika.

“Il-Knisja Kattolika rebħitni bit-teoloġija” qalet filwaqt li spjegat fil-fidi sabet “is-serħan u sabet ruħha biex sabet lilha nnifisha tħobb il-Kattoliċiżmu u lil Ġesù”.

Meta waslet għas-Sagrament tal-Konfermazzjoni bdiet l-eżerċizzi spiritwali Injazjani li kabbru fiha l-imħabba lejn l-ispiritwalità tal-Ġiżwiti u din kompliet tissaħħaħ mal-ħatra tal-ewwel Papa Ġiżwita. “Il-Papa Franġisku għenni biex ma nibżax nerġa’ lura fil-Knisja”, qalet Burhans.

Tgħid li l-Laudato si u s-Sena tal-Ħniena fl-2016 huma s-sinsla spiritwali u ntellettwali tal-organiżazzjoni “Goodlands.”

“Il-Laudato si turi kif il-ħajja, l-art u l-ambjent huma marbuta flimkien u kif it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jorbot mal-ambjent. Is-Sena tal-Ħniena għenitni ħafna biex nidħol lura fil-Knisja bil-ħafna grazzji li ksibt”, temmet tgħid din it-tfajla Amerikana.