Atti ta’ vandaliżmu fi Knisja Kattolika fl-Indja

Statwa tal-Madonna mkissra fil-Knisja ta' San Tumas
Fil-15 ta’ dan ix-xahar xi vandali daħlu fil-Knisja Kattolika ta’ San Tumas fil-villaġġ ta’ Chapatoli fid-djoċesi ta’ Dibrugarh fl-Indja, matul il-lejl, kissru statwa tal-Madonna f’biċċiet, għamlu ħsara fil-kurċifiss u farrku l-knisja.
Il-komunità parrokkjali hi rrabjata ħafna u l-pulizija s’issa arrestaw żewġ persuni fuq suspett li wettqu dan l-attakk. Il-politiċi tal-lokal esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-komunità nisranija u wiegħdu li jgħinu permezz ta’ kontribuzzjonijiet biex tissewwa l-ħsara li saret.
L-Isqof Joseph Aind li jmexxi d-djoċesi ta’ Dibrugarh, ikkundanna l-attakk u talab li ssir investigazzjoni serja.
L-Isqof qal li “xi gruppi qed jippruvaw jiżirgħu l-mibegħeda u d-disgwid fis-soċjetà” f’lokalita fejn l-insara ta’ kull twemmin dejjem għexu flimkien fil-paċi u l-armonija: “Huma biss forzi barranin li għandhom l-interessi tagħhom jistgħu jintroduċu fostna din iż-żerriegħa ta’mibegħda”. Huwea talab lill-Gvern biex jiggarantixxi s-sigurtà tal-insara, speċjalment fi żmien il-Milied.
John Dayal, ġurnalista kattoliku, f’kummenti lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qal li l-polariżazzjoni bejn il-komunitajiet reliġjużi hi evidenti. Fil-bidu il-miri kienu l-barranin, imbagħad il-Musulmani u issa l-Insara. F’Assam, fit-tramuntana tal-Indja, l-impunità li jgawdu l-aggressuri qed tiggrava s-sitwazzjoni: il-Knisja Kattolika hi dgħajfa u fqira u allura ma tistax tiddefendi lilha nfisha. Il-karattru sekulari tal-Indja jinsab fil-periklu.
Il-President tal-Assoċjazzjoni “Indian Christian Voice”, Abraham Mathai qal li “Qed jiżdiedu l-episodji ta’ vandaliżmu u attakki fuq l-insara u l-proprjetà tal-Knisja.”
Sadattant l-Organiżazzjoni Mhux Governattiva “Waster India”, għamlet petizzjoni lill-Qorti Suprema tal-pajjiż fejn talbet lill-Qorti tistieden lill-Gvernijiet tal-istati Indjani kollha li jipprovdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa għaż-żmien taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied li ġejjin, lill-komunitajiet insara.