Atti indiċenti waqt li kien fis-sakra; 3 snin u nofs ħabs

Somalu ta’ 30 sena ġie kkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li ammetta li 24 ta’ Lulju 2020 ikkommetta atti sesswali u indiċenti fil-pubbliku fi Triq il-Port Marsalforn.

Ir-raġel kien akkużat ukoll li għamel konnotazzjonnijiet sesswali bil-kliem u bl-aġir kif ukoll mingħajr il-ħsieb li joqtol jew iweġġa’ serjament fera ħafif lill-vittma u persuna oħra. Ir-raġel ġie akkużat ukoll li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, kiser il-paċi pubblika u espona l-partijiet privati fil-pubbliku.

Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih għalhekk fis-sentenza tiegħu ġiet kkunsidrata l-ammissjoni bikrija tal-akkużat u kkundannah tliet snin u nofs ħabs.

L-akkużat qal li jiddispjaċih ta’ dak li għamel meta kien taħt l-influwenza tal-alkoħol. Il-Maġistrat poġġa lill-akkużat fuq ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jindirizza l-problema tal-alkoħol. Il-Maġistrat Mifsud ħareġ ordni ta’ protezzjoni ta’ sena għall-vittma u ordnat iħallas €1,000 lill-vittma li ġarrbet ġrieħi ħfief.

Il-Qorti spjegat il-konsegwenzi lill-akkużat jekk ma jimxix mal-kundizzjoniijiet imposti fuqu.