Attenti mit-Tlieta, mis-Sibt u l-Ħadd!

It-Tlieta hu l-iktar jum tal-ġimgħa li fih, bejn Lulju u Settembru, saru l-iktar inċidenti tat-traffiku imma b’xorti tajba weġġgħu inqas nies minn dawk li ħabtu fil-jum tas-Sibt.
L-iktar f’riskju madankollu kienu dawk li kellhom inċident nhar ta’ Ħadd, għax minkejja inqas inċidenti minn nhar ta’ Tlieta, 17% ta’ dawk involuti spiċċaw weġġgħu.
Ċifri tal-NSO juru li fit-tliet xhur bejn Lulju u Settembru kien hemm 3,802 inċidenti fil-pajjiż, li fisser żieda ta’ 6.9% fuq l-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel.
L-iktar ħin li matulu seħħew inċidenti kien bejn it-3.00pm u s-6.00pm. L-inqas, bejn it-3.00am u s-6.00am.
L-iktar lokalitajiet fejn seħħew inċidenti kienu Birkirkara, imbagħad Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar.
Matul is-sajf kien hemm 517-il persuna midruba, bi 309 minnhom kienu s-sewwieqa tal-vetturi involuti. F’każ wieħed, kien hemm persuna li kienet fit-triq, li tilfet ħajjitha.
3 minn kull 4 inċidenti f’dan iż-żmien kienu minn karozzi tal-passiġġieri, waqt li l-inqas kienu dawk minn vetturi kbar.