Attenti minn ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka – Salvu Felice-Pace

Facebook/Horizon

Hekk kif is-Segretarju għad-Difiża Amerikan jinsab Malta llum għal taħditiet mal-Prim Ministru Robert Abela, tajjeb li nħarsu daqsxejn lejn dan il-ftehim li jismu SOFA. Dawn l-erba’ ittri jfissru bl-Ingliż Status of Forces Agreement, jiġifieri ftehim dwar xi status li għandhom ikollhom membri tal-militar mill-Amerka f’Malta kif ukoll ċittadini oħrajn li jżuru jew joqogħdu f’Malta. Id-dettalji għadhom mhux magħrufa. Dak li nafu hu li l-Amerikani ilhom snin twal biex jikkonvinċu lil Malta biex tiffirma ftehim magħhom bħalma għandha ma’ diversi pajjiżi oħrajn. Jingħad ukoll li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kienu rrifjutaw dan it-tip ta’ ftehim u li George Vella, illum President, ma kienx favur lanqas meta kien Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-gvern ta’ Joseph Muscat.

Parti mill-ftehim ikun jitlob lil Malta li tagħti d-dritt lill-Amerka li tipproċedi b’mod ġudizzjarju hi, meta u jekk persunell Amerikan jew ċittadini Amerikani jikkommettu xi reat fil-gżejjer tagħna. Jista’ wkoll li jkun hemm ġuriżdizzjoni maqsuma bejn iż-żewġ firmatorji.

Iżda rridu noqogħdu attenti ħafna. L-affarijiet mhux daqshekk suwed jew bojod. Se nispjega x’ġara s-sena l-oħra fl-Ingilterra nhar is-27 ta’ Awwissu. Mara Amerikana bl-isem ta’ Anne Sacoola saqet minn bażi militari u kif ħarġet sabet ruħha fin-naħa żbaljata tat-triq, kien ġej żagħżugħ ta’ 19 il-sena bl-isem Harry Dunn fuq mutur, hi daħlet fih u hu tilef ħajtu. Rapporti kienu jgħidu li hi kienet ammettiet l-iżball tagħha, iżda sakemm il-Pulizija Ingliża marru biex jinterrogawha, l-istess mara kienet ingħatat l-immunità diplomatika u tpoġġiet fuq ajruplan u b’hekk telqet mill-pajjiż fejn kienet ikkomettiet reat. Ir-raġel tagħha kellu immunità diplomatika iżda hi ma kellhiex. Bil-mod kif l-Amerka interpretat il-ftehim li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi, il-familja taż-żagħżugħ tilfet iben u bl-ebda mod qatt mhu se ssir ġustizzja magħhom għax l-Amerka ħafna drabi tirrifjuta li testradixxi ċittadini Amerikani.

Ħwejjeġ bħal dawn ikunu jistgħu jiġru fostna jekk niffirmaw dan il-ftehim mal-Amerka. Jingħad li l-gvern Malti jrid li l-Amerka tuża l-influwenza tagħha biex fil-kwistjoni tal-Moneyval, li tista’ twassal biex Malta tiġi blacklisted minħabba l-ħasil tal-flus u raġunijiet oħra rigward nuqqasijiet fis-saltna tad-dritt, l-Amerka titkellem favur tagħna. Il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad li hemm konnessjoni bejn iż-żewġ affarijiet. Iżda kultant ċaħda ta’ politiku tfisser l-oppost. Nistennew u naraw.

Hemm ukoll il-kwistjoni kostituzzjonali. Dan il-ftehim jaqa’ taħt il-kappa militari u jekk aħna għandna kostituzzjoni fejn in-newtralità hija ‘entrenched’, allura bidliet bħal dawn ikunu jirrekjedu żewġ terzi tal-voti favur fil-Parlament. S’issa diversi ilħna Laburisti u oħrajn Nazzjonalisti bħall-vuċi ta’ Tonio Borg qed juru l-oppożizzjoni tagħhom għal dan il-ftehim għax bażikament jikser il-kostituzzjoni u għax fuq kollox jagħti parti mis-sovranità tagħna lill-pajjiż ieħor.

Qed jingħad ukoll li l-Amerikani bħala parti mill-ftehim ma’ Malta jibdew jgħassu territorju barra mill-ibħra Maltin magħruf bħala Hurd’s Bank li ta’ sikwit jintuża għall-kuntrabandu. Jekk dan huwa minnu għaliex ma jintlaħaqx ftehim ma’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?  L-Amerikani ilhom jippruvaw ideffsu saqajhom fl-ibħra tagħna.

Jekk fuq kollox m’hemmx xi ftehim magħruf bħala quid pro quo minn taħt, li bħala rigal għal dan il-ftehim ma’ Malta ċerti persuni li allegatament qed jiġu mfittxija mill-Istati Uniti tal-Amerka għal diversi reati dwar ħasil ta’ flus u ksur ta’ sanzjonijiet Amerikani,  jibqgħu jgħixu fis-serenità Maltija.

Ittra miktuba minn Salvu Felice-Pace