Attenti jekk tużaw dan it-tip ta’ żejt tal-ikel

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendena tas-Saħħa Pubblika wissa lill-pubbliku sabiex ma jagħmilx użu miż-żejt tal-ikel tat-tip Palm Oil Togo tad-ditta Bigi-mama.

Fi stqarrija, id-Direttorat spjega l-appell wasal mingħand is-Sistema Rapida tal-Ikel u l-Għalf li spjegat li l-imsemmi prodott m’għandux jiġi kkunsmat minħabba li fih il-Polycyclic aromatic hydrocarbons (PAHs) u Benzo(a)pyrene li jaqbżu l-limit stabbiliti fir-regolamenti. Skont iċ-ċentru għall-kontroll tal-mard u l-prevenzjoni, meta wieħed jiġi espost għal ammont aktar min-normal ta’ PAHs jista’ jiżviluppa abnormalitajiet fil-fwied u d-demm.

Id-durabbiltà tal-prodott hija sal-1 ta’ Settembru tal-2021 u jappartjeni għall-użin tal-litru. Il-flixkun huwa tal-plastik filwaqt li joriġina mit-Togo.

Għal aktar informazzjoni l-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq numru tat-telefon 2133 7333 mit-8am sas-2.30pm jew jibgħat imejl fuq mhi@gov.mt. Il-pubbliku jista’ wkoll jirrikorri personalment fl-uffiċċju tal-istess Direttorat li jinsab ġewwa Continental Business Centre, Old Railway Track, Santa Venera.