Attenti jekk taraw dawn ir-riklami fuq Facebook

Paġna fuq Facebook qiegħda toħloq riklami fuq is-sit soċjali li jgħidu li l-Ministeru għall-Finanzi investa $500 miljun bi ftehim ma’ The Bitcoin Revolution. Dawn ir-riklami huma mmirati lejn udjenzi Maltin, li meta jagħfsu fuqhom, ma jikkorrispondux ma’ dak li jgħidu.

Il-paġna Tech Ride News inħolqot fl-4 ta’ Diċembru, u għandha 3 kitbiet sponsorjati jisimhom ‘The Government reveals it’s new €150 million “Game-changing” Investment that would greatly change the lives of all citizens!’ L-istampi inklużi juru l-Prim Ministru Joseph Muscat fi 2 minnhom, u l-Ministru Konrad Mizzi fis-sala tal-voti fir-riklam l-ieħor.

Meta wieħed jikklikkja fuq il-ħolqa, jaf jaħseb li daħal f’CNNtech, is-sezzjoni teknika tas-sit tal-aħbarijiet CNN, iżda s-sit propja huwa www.techridenews.com. It-titlu tal-artiklu ma jikkorrispondix ma’ dak li jidher fuq Facebook, u minflok jgħid: Malta’s Ministry of Finance Announces Acquisition of a $500 Million Startup, saying “This Is Where the Future Lies”.

L-iskema tfittex li tbigħ il-munita crypto li jisimha Bitcoin Revolution, li wieħed jista’ jaċċessa fin-naħa t’isfel tal-paġna jekk ikun aċċessa s-sit permezz tar-riklam fuq Facebook. Skont l-artiklu, il-Ministeru għall-Finanzi investa $500 miljun f’The Bitcoin Revolution.

Madankollu, jekk wieħed ifittex is-sit minn Google, il-paġna li titla’ hija kompletament differenti minn dik aċċessata mir-riklami fuq Facebook. L-emblema ta’ CNNtech ma tidhirx u l-artiklu jikkorrispondi ma’ wieħed mir-riklami li hemm fuq Facebook.