Attenti jekk għandkom dawn il-prodotti

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sabet fuq is-suq heaters tal-gass li kienu għall-bejgħ f’dawn l-aħħar snin bil-marka SIMBA; Mudell NY-F138 u bil-pjanċa tal-isem kif indikat fir-ritratti mehmuża li ma jikkonformawx mar-regolament applikabbli għal apparat tal-gass.

L-Awtorità qalet li prodotti bħal dawn għandhom ikunu mmarkati bil-marka CE u din il-marka għandha tkun segwita b’numru ta’ erba’ ċifri li jirrappreżenta l-Korp Notifikat li jmexxi l-kontroll tal-produzzjoni tat-tali prodotti. Barra minn hekk, la l-identifikazzjoni tal-manifattur u lanqas id-dettalji tal-kuntatt ma huma disponibbli fuq il-prodott; u prodotti bħal dawn ġew irrappurtati lill-MCCAA.

Dan wassal lid-Direttorat biex jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jiżgura l-irtirar ta’ dawn il-prodotti mis-suq lokali.

Hairdryer

L-Awtorità qiegħda tgħarraf lill-pubbliku wkoll dwar sejħa li għamel il-manifattur tal-prodott Dunlop Travel Hair Dryer 1200W, Numru tal-Mudell: Ch-601; Lott: 2051518. Dan il-prodott ġie rtirat mis-suq peress li nstab li l-fann ta’ dan il-prodott jista’ jinqala’ minn postu waqt l-użu. Dan jista’ jwassal biex id-dryer tisħon iżżejjed bil-konsegwenza li ssir taħraq b’mod li toħloq periklu.

Dan il-prodott inbiegħ bejn Settembru tal-2018 u Mejju tal-2019. Konsumaturi li xtraw dan il-prodott huma mitluba jieqfu jużawh immedjatament u jirritornawh lura minn fejn xtrawh.

Il-konsumaturi li xtraw il-prodotti msemmija hawn fuq għandhom immedjatament jieqfu jużawhom u jirritornawhom għand tal-ħanut minn fejn xtrawhom.

Floats għall-għawm

L-Awtorità fakkret ukoll dwar floats għall-għawm li mhumiex siguri intenzjonati għat-trabi. Dawn instabu li huma ta’ riskju serju għax it-tarbija tista’ tegħreq minħabba li:

  • Il-qiegħ ċatt ta’ dawn il-floats huwa instabbli u b’hekk għandhom ċans akbar li jinqelbu.
  • Minħabba li l-proporzjon tal-qiegħ huwa ikbar meta mqabbel mal-volum, jiżdied iċ-ċans li l-float jinġarr mal-kurrent bit-tarbija fih.

 

Id-Direttorat fakkar lill-manifatturi u lill-importaturi biex dejjem iqiegħdu fuq is-suq prodotti siguri.