“Attenti għat-twissijiet ta’ DCG li Malta qed issir stat mafjuż”

L-Editorjal ta’ The Guardian jgħid li l-istat ta’ Malta, stat mafjuż, qed jinbidel f’wieħed li qed ikun immexxi mill-kriminalità organizzata.
Intqal li Malta saret stat li ma jiggvernax iżda minflok jagħżel li jeħles minn persuni problematiċi. Sejħu s-sitwazzjoni kurrenti bħala waħda ta’ disperazzjoni.
Skont the Guardian, f’Malta teżisti atmosfera ta’ impunità u vjolenza. Jgħid li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ġurnalista li żvelat allegazzjonijiet serji dwar ħasil ta’ flus, jgħid ħafna dwar it-theddida tal-libertà tal-espressjoni f’Malta.
Iddeskriva lil Galizia bħala ġurnalista li qatt ma beżgħet minn min għandu l-flus u minn dawk li huma fil-poter. Saħqu li l-qlubija tagħha switilha ħajjitha. Spjegaw kif il-ġurnalista kienet ippuntat subgħajha lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u lejn tnejn minn nies li jaħdmu fil-qrib tiegħu u li din għamlet konnessjoni bejnhom u bejn kumpaniji barranin, il-bejgħ tal-passaporti u mijiet ta’ eluf ta’ Ewro li tħallsu mill-Gvern tal-Ażerbajġan.
The Guardian qal li l-Pulizija ta’ Malta diġà tidher li ma jimportahiex minn dak li ġara u sejħu għal investigazzjoni serja.  
L-Editorjal ikompli jpitter stampa makabra tal-istat li fih wasal Malta. Gżira li ġiet deskritta bħala “mħassra”.
Qal kif Malta ħadet il-fama ta’ pirate tax haven bl-industriji prinċipali tagħha invażati b’gruppi kriminali.
Temm jgħid li Malta ma tistax tkun pajjiż tal-Unjoni Ewropea falz fejn l-elezzjonijiet, is-saltna tad-dritt, u l-qorti jkunu hemm biss għall-apparenza. Qalu li meta pajjiż membru tal-UE ma jaqdix id-dmirijiet demokratiċi tiegħu u meta ħajja tintilef waqt li kienet qed tfittex il-verità, ikun ifisser li l-UE trid tieħu azzjoni.
L-Editorjal sħiħ: