“Attentat ta’ suwiċidju ieħor; Malta se terfa’ r-responsabbiltà?” – Sea-Eye

Twitter

Read in English.

Tifel ta’ 14-il sena indarab wara li pprova jaqbeż għall-baħar minn fuq il-bastiment tal-NGO Sea-Eye sabiex jipprova jgħum sax-xatt. Iċ-Chairman tal-NGO, Gordon Isler qed jgħid li dan qed jiġi kkunsidrat bħala attenta ta’ suwiċidju.

Isler qal li fuq il-bastiment Alan Kurdi reġa’ kien hemm każ ieħor ta’ attentat suwiċidju, din id-darba persuna minuri.

Il-ħidma tal-Alan Kurdi bdiet fil-31 ta’ Awwissu. Wara l-ħidma ta’ salvataġġ, il-bastiment għamel kuntatt mal-awtoritajiet marittimi relevanti, inkluż dak Malti. Minkejja dan huma tħallew bejn sema u ilma.

Aqra: 2 immigranti jiddaħħlu Malta minħabba bżonn ta’ assistenza medika

Isler, fi tweet qal li l-kap tal-ħidma fuq l-Alan Kurdi infurmaħ li kien hemm attentat ta’ suwiċidju ieħor minn minuri. Dan wara li żewġ immigranti ddaħħlu Malta fil-5 ta’ Settembru minħabba li bdew jikkunsidraw li jikkommettu suwiċidju. Intant, tliet persuni oħrajn ġew evakwati minħabba l-istess raġuni lbieraħ.

Hu staqsa: “Hemm bżonn li persuna tweġġa’ qabel ma Malta terfa’ r-responsabbiltà? Forzi Armati ta’ Malta, kif tistgħu tispjegaw dan l-aġir irresponsabbli?”

“Għaddew is-sigħat u għadna bla risposta”

Ilbieraħ, Isler qal ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li l-organizzazzjoni talbet liċ-Ċentru ta’ Koordinament tas-Salvataġġ Malti (RCC) biex jiġu evakwati t-tmien persuni li hemm abbord il-bastiment Alan Kurdi, baqgħu ma rċevewx risposta.

Isler qal li dawn huma avvenimenti allarmanti meta wieħed jikkonsidra li dan huwa ċentru ta’ koordinament għas-salvataġġ. Huwa żied li t-tobba tal-bastiment għamlu rapporti estensivi fuq it-tmien persuni. L-għaqda mhux governattiva qalet li min-naħa tagħhom jinsabu ċerti li l-Qorti Maltija se tikkonferma li għandhom raġun.

Aqra: Aġġornata: Sea-Eye tiftaħ protest il-Qorti biex persuni abbord l-Alan Kurdi jinżlu Malta

Is-Sea-eye fetħet protest ġudizzjarju fil-Qorti Maltija biex ikunu jistgħu jevakwaw lill-immigranti li bħalissa jinsabu abbord il-bastiment Alan Kurdi jidħlu Malta.