Attentat ta’ hold-up fl-ajruport: il-pulizija tinterroga xi persuni

II-Pulizija għadha għaddeja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta mal-attentat ta’ hold up li seħħ fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta il-Ħamis li għadda. Jidher li l-pulizija qed iżżomm taħt arrest għadd ta’ persuni li qed jiġu interrogati b'rabta ma dan il-każ.

F’dan l-attentat ta’ hold-up ġew feruti żewġ persuni – raġel ta’ 77 sena minn Ħal Qormi u raġel ieħor ta’ 64 sena mill-Marsa.

Wieħed minn dawk aggrediti, Louis Sammut, inħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u ma għadux fil-periklu li jitlef ħajtu.

Intant huwa mifhum li l-Pulizija qed tanaliżża filmati tal-cameras tas-sigurtà ta’ stabbilimenti kummerċjali qrib il-bini ta’ Skyparks.

Din hija t-tieni darba li Louis Sammut safa vittma ta’ attentat simili ta’ hold-up hekk kif seba’ snin ilu kien involut f’attentat ieħor li kien seħħ f’Ħal Luqa. Fiż-żewġ attentati, Sammut kien twaqqaf minn żewġ persuni armati u b’wiċċhom mgħammad.